Jekk sa issa kontu għadkom ma ħriġtux il-ġkieket u l-kowtijiet, iċ-ċans hu li llum ħriġtuhom, hekk kif il-merkurju niżel l-isfel. L-inqas temperatura llejla mistennija tinżel sa 4 gradi, bl-arja tinħass 2 gradi celsius.

Il-waqa’ fit-temperatura hi riżultat ta’ riħ kiesaħ mit-Tramuntana tal-Ewropa, hekk kif anke fl-Italja qed jippersisti perjodu ta’ ksieħ, filwaqt li bliet Ewropej bħal Oslo u Praga qed jirreġistraw temperaturi baxxi ħafna sa ħdax il-grad taħt iż-żero.
Il-kesħa fl-Ewropa wasslet biex fl-aħħar jiem partijiet mix-xmara Thames bdew jiffriżaw – fenomenu li kien ilu ma jseħħ mill-1963.
Il-kesħa li ħakmet lill-Ewropa qed tinħass anke f’pajjiżna, bl-arja tiksaħ konsiderevolment illum, bil-merkurju mistenni jerġa jitla bilmod il mod matul il-ġimgħa, biex sa tmiemi il-ġimgħa t-temperaturi massimi jerġgħu imissu l-15 u s-16 il grad celsius.


Minkejja l-ksieħ, mhux imbassra xita matul din il-ġimgħa qabel il-ġurnata tal-Ħadd meta hemm ċans ta’ 87% ta’ xita u mistenni jerġa’ jiżdied ir-riħ.