Lokali Qorti

Akkużat bi traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus jingħata l-libertà proviżorja

Il-Qorti laqgħet irt-talba għal libertà proviżorja fil-konfront ta’ Melvin Debono ta’ 29 sena minn Raħal Ġdid li kien tressaq il-Qorti fl-20 ta’ Diċembru li għadda flimkien ma’ Dean Martin ta’ 40 sena milll-Ħamrun mixlijin fost affarijiet oħra bi traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus.

Ir-reati huma b’rabta ma’ sejba ta’ kważi €800,000 fi droga, karozzi, deheb u flus kontanti . Debono ingħata l-libertà proviżorja mill-Maġistrat Neville Camilleri li qed jisma’ l-każ ta’ Debono fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €25,000

Huma kienu ġew arrestati s-Sibt, 19 ta’ Diċembru li għadda wara diversi ġimgħat ta’ osservazzjoni mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga u ġew akkużati b’pussess ta’ droga kokaina, eroina u kannabis f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tagħhom. Il-każ tagħhom qed jinstema’ b’mod separat.

Debono ġie mixli b’sitt akkużi ta’ ħasil ta’ flus u li huwa riċediv. It-tnejn qegħdin jiffaċċjaw ukoll akkużi li ma ħarsux kundizzjonijiet ta’ sentenzi imposti fuqhom mill-Qorti fil-passat. Melvin Debono huwa dealer tal-karozzi.

Il-pulizija kienu nterċettaw vettura li kienet qed tinstaq mill-Ħamruniż u li bħala passiġġier fiha kien hemm iż-żagħżugħ minn Raħal Ġdid. Fi tfittxija fil-vettura u fuq il-persuni tagħhom instabu madwar żewġ kilo droga kokaina, ċwievet ta’ karozzi, kif ukoll aktar minn €8,500 fi flus kontanti.

Il-ħidma kienet kompliet f’residenza fi Triq Melita u f’garaxx fi Triq Sant’Ubaldeska, f’Raħal Ġdid stess, li huma propjetà taż-żagħżugħ. Fir-residenza nstabet id-droga ħaxixa u anke kokaina, flimkien ma’ €100,000 f’deheb u ġojjellerija oħra, kif ukoll madwar €78,000 fi flus kontanti.

Sadanittant, fil-garaxx, il-Pulizija kkonfiskaw Range Rover Sports u Mercedes E63, li l-valur tagħhom ilaħħaq l-ammont ta’ madwar €250,000. Dan filwaqt li saret ukoll tfittxija oħra f’garaxx fi Triq il-Qaddiefa, fil-Marsa, propjetà tar-raġel ta’ 40 sena.

Hemm instabu madwar 3.5kg droga kokaina, bil-valur fit-triq li kieku din id-droga kollha nbiegħet kien ilaħħaq madwar €350,000. Għal Melvin Debono qegħdin jidhru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.