Atletika Sport

Athletics Malta bi ftehim internazzjonali sabiex atleti Maltin jikkompetu barra l-pajjiż

Ritratt: Athletics Malta

Athletics Malta ħabbret li irnexxielha tikseb qbil ma’ żewġ federazzjonijiet internazzjonali sabiex atleti Maltin ikollhom opportunitajiet fejn jimirħu fl-isport barra minn xtutna. Il-President Andy Grech u s-Segretarju Ġenerali Aldrin Cassar mexxew id-delegazzjoni ta’ Athletics Malta f’Sofia fil-Bulgarija, fejn kellhom laqgħat ma’ uffiċjali għaloja ta’ European Athletics u tal-Federazzjoni tal-Atletika tal-Balkani.

Fi ftehim mal-Federazzjoni Balkanika, Malta se tkun nominata fi sħubija mal-istess organizzazjoni sabiex atleti Maltin jkollhom opportunitajiet li jikkompetu u jipparteċipaw fi programmi edukattivi fil-pajijżi Balkani. Permezz tal-istess ftehim, Athletics Malta se tkun qed tattira talent tal-għola livell lejn pajjiżna, fejn diversi atleti minn dawn il-pajjiżi se jkunu qegħdin jiġu f’Malta għall-kamp ta’ taħriġ f’pajjiż b’temperaturi aktar għoljin.

Fi żjara tagħhom, id-delegazzjoni Maltija iltaqgħet ukoll ma’ Jean Garcia li jmexxi il-Kummisjoni għall-Iżvilupp ta’ European Athletics. F’din il-laqgħa ġew diskussi il-klima sportiva attwali f’pajjiżna kif ukoll il-limitazzjonijiet u l-apirazzjonijiet ta’ Malta fil-futur.

Il-European Atlethics approvat ukoll pjan olistiku sabiex jitwaqqaf Pjan ta’ Żvilupp Nazzjonali, fejn se tappoġja diversi atleti Maltin b’rabtiet mal-komunita’ tal-atletika b’ħidma wkoll fuq il-preżenza kummerċjali.

Il-President ta’ Athletics Malta, Andy Grech, esprima is-sodisfazzjon għal dan il-ftehim filwaqt li saħaq li sabiex l-atletika Maltija tkompli tiżviluppa hemm bżonn li l-atleti u kowċis Maltin ikunu “esposti għal avversarji u avvenimenti aktar kompettitivi.”