Internazzjonali

Covid-19: It-tilqima ta’ Pfizer qed tidher ‘effettiva ferm’ skont id-data minn Iżrael

Il-programm għat-tilqim tal-poplu li għaddej bħalissa f’Iżrael żvela li l-vaċċin tal-Pfizer-BioNTech kontra l-Covid-19 qed iħalli riżultati mill-aktar sodisfaċenti. Dan meta d-data mill-programm inkwistjoni jissuġġerixxi li t-tilqima tal-Pfizer kapaċi tevita mal-94 fil-mija tal-infezzjonijet sintomatiċi mill-virus. Dan kollu jindika wkoll li l-vaċċin qed jaħdem qalb is-soċjetà u qed juri l-istess riżultati tajbin li kien wera matul il-provi fil-klinika.

Il-Professur Hagai Levine, li hu involut mat-taqsima għas-saħħa pubblika f’Iżrael, sostna li t-tilqima partikulari qed tkun effettiva ħafna biex tevita l-mard u kumplikazzjonijiet mill-virus fost in-nies ta’ kull età.

Studju partikulari konċentra fuq 600,000 Iżraeljan li ngħataw it-tilqima u numru simili ta’ nies li ma ħadux il-vaċċin u fejn kienu anki kunsidrati l-etajiet u l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-persuni involuti.

Instab li kien hemm ‘mal-94 fil-mija anqas infezzjonijiet’ fost il-grupp tan-nies li tlaqqmu. Ħareġ ukoll li l-vaċċin tal-Pfizer irreżista għal ‘kważi kull mard serju dovut għall-Covid-19’, bir-riżultati jkunu l-istess fost kull kategorija tal-poplu – anki ċ-ċittadini ta’ ‘il fuq minn 70 sena.

Illum, ftit hemm dubju li Iżrael hu fost l-aktar pajjiżi li rnexxielhom javvanzaw bil-programmi tat-tilqim għall-poplu.

Sadanittant, Anthony Fauci, l-espert ewlieni dwar il-mard li jittieħed fl-Istati Uniti, ingħata l-Premju ta’ Dan David ta’ Iżrael – li hu ekwivalenti għal miljun dollaru – talli ‘iddefenda x-xjenza’ waqt l-aktar żmenijiet delikati tal-pandemija.

Fauci, li kemm-il darba tlewwem mal-eks President Amerikan Donald Trump dwar kif  l-Istati Uniti kellha tikkonfronta lill-pandemija, kien imfaħħar għall-impenn tiegħu favur il-kampanji xjentifiċi u talli baqa’ jinsisti dwar l-importanza tal-vaċċini għal kontra l-Covid-19.

Anthony Fauci, li kien konsulent ewlieni għal seba’ Presidenti tal-Istati Uniti, kien imfaħħar ukoll ‘talli hu insista dwar l-importanza tar-riċerka xjentifika minkejja l-oppożizzjoni ta’ uffiċjali li kienu infurmati ħażin dwar il-pandemija’.

Fi żviluppi oħra,, il-Kap ġdid tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) insistiet li ‘il-protezzjoniżmu’ relatat mal-vaċċini kontra l-coronavirus teħtieġ li tingħeleb jekk id-dinja trid tassew tikkontrolla l-pandemija.

Ngozi Okonjo-Iweala qalet li trid tinevita sitwazzjoni fejn il-pajjiżi sinjuri jlaqqmu lill-popli tagħhom waqt li l-Istati foqra jkollhom jistennew, fost il-possibbiltà kbira li l-istatistika traġika tikbar aktar milli suppost. Dan wara li, fl-aħħar ġimgħat, diversi pajjiżi pruvaw jevitaw l-esportazzjoni tal-vaċċini li qed ikunu prodotti fl-artijiet tagħhom.