Raġel ta’ 49 sena, magħruf għas-suċċess tiegħu fin-negozju, tant li kien imexxi ristorant f’Birżebbuġa u li ġej minn familja tajba spiċċa skjav tad-droga kokaina li wasslitu biex allegatament iwettaq 21 serqa f’temp ta’ tliet xhur.
Joseph Polidano residenti Birżebbuġa u li ma jaħdimx ġie mixli quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea b’serq ta’ għodod u oġġetti oħra minn siti ta’ kostruzzjoni, li huwa mifhum li huma ta’ valur ta’ bejn €70,000 u €80,000.
L-Ispettur Jonathan Ransley li flimkien mal-Ispetturi Saviour Baldacchino u Colin Sheldon ressqu lir-raġel qal li minn post wieħed is-serqa f’oġġetti kienet tammonta għal €18,000.
L-Ispettur Ransley ikkonferma wkoll dak li qal l-Avukat Difensur ta’ Polidano, Franco Debono li l-akkużat għandu kondotta tajba u li dan kollu seħħ minħabba li d-droga kkundizzjonatlu ħajtu.
Is-serq minn naħa ta’ Polidano, li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih allegatament beda fil-lejl ta’ bejn il-11 u t-12 ta’ Novembru li għadda f’Ħaż-Żebbuġ u kompla lejn l-aħħar tal-istess xahar minn garaxxijiet f’Ħal Tarxien u serq ieħor f’San Ġiljan.
Is-serq kompla għaddej f’Diċembru minn propjetà f’Marsaskala, Marsaxlokk, Ta’ Xbiex u għal darba oħra f’Ħal Tarxien, b’din tal-aħħar isseħħ f’jum il-Milied.
F”Jannar is-serq kompla għaddej f”Ħaż-Żebbuġ, Ħal-Luqa u ż-Żejtun, Gudja, Birkirkara u l-Gżira biex fi Frar is-serqa kompla għaddej il-Ħamrun, Birżebbuġa, San Ġiljan u Ħal-Tarxien.
L-Avukat Franco Debono li flimkien mal-Avukat Amadeus Cachia deher għal Polidano qal li minkejja li l-ħabs jagħmlu minn kollox biex jgħinu l-vittmi tad-droga, jkun aktar jagħmel sens li kieku teżisti istituzzjoni li bniedem li waqa’ fin-nassa tal-vizzju tad-droga jiġi mgħejjun mill-problema. “Hemm il-ħtieġa ta’ speċjaliżazzjoni f’dan il-qasam,” saħaq l-Avukat Debono.
Qal ukoll li huwa ma kienx qed jagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju u talab lill-Qorti biex tirrakkomanda lid-Direttur tal-ħabs bies jingħata l-għajnuna u l-assistenza kollha possibbli, liema talba kienet milqugħa mill-Qorti.
//= $special ?>