Lokali Turiżmu

Il-Gvern mingħajr soluzzjonijiet konkreti dwar l-Air Malta

Dak li kien il-Ministru tal-Air Malta, Silvio Schembri, insista ma’ Net News li l-problemi li hemm fl-Air Malta huma minħabba l-pandemija.

Schembri wieġeb b’dan il-mod meta saqsejnih xi jwieġeb għall-istqarrija li għamel il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana meta żvela li l-linja Nazzjonali tal-ajru qed titlef €170,000 kuljum. Bil-Ministru Schembri jaħbi l-falliment tal-Gvern, billi jikkonsla bis-sitwazzjoni li hemm f’pajjiżi oħra.

“Mhux kwistjoni ta’ Air Malta… is-sitwazzjoni mad-dinja kollha hija ta’ sfida kbira minħabba l-pandemija”

Lil Silvio Schembru saqsejnih ukoll x’soluzzjoni hemm għal din il-problema fil-finanzi, bil-Ministru imkien ma jsemmi l-possibbiltà li l-Gvern joffri state aid.

Wara t-tkeċċija tal-piloti, il-Ministru fl-ebda ħin ma kkometta ruħu li dawn jerġgħu jiddaħħlu mal-Air Malta. Anzi, insista li t-tkeċċijiet kienu parti mis-soluzzjoni….  

“Mhux kwistjoni ta’ tkeċċija tal-piloti, ma kienx pjaċir tiegħi li nispiċċaw f’dik is-sitwazzjoni, kien hemm nuqqas ta’ qbil li l-partijiet ma setgħux jaqblu fuqha, u dan wassal li tkeċċew numru ta’ piloti”

Il-Ħadd li għadd l-Kap tal-PN Bernard Grech tkellem fost l-oħrajn dwar din is-sitwazzjoni ta’ sfida fl-Air Malta, b’aċċenn partikolari fuq il-ġustizzja li għandha ssir mal-piloti.

Bernard Grech qal li s-salvazzjoni tal-Air Malta hija kruċjali kemm għal mijiet ta’ ħaddiema li jaħdmu ma’ din il-kumpanija iżda wkoll għal eluf ta’ ħaddiema li l-għajxien tagħhom jiddependi b’mod dirett jew indirett mit-turiżmu.