Lokali Qorti

Il-Qorti t’Għawdex isellem il-ħidma ta’ Marixxal li serva għal 29 sena

Il-Qorti t’Għawdex f’digriet li tat ħadet l-opportunità fl-aħħar seduta li saret nhar it-Tnejn 15 ta’ Frar biex issellem lill-Marixxall Mario Portelli li serva lill-istess Qorti għal 29 sena u li rtira mill-ħidma għaliex laħaq l-eta’
statutorja.

F’digriet mogħti mill-Maġistrat Joe Mifsud sellem il-ħidma li Portelli wettaq fil-Qorti ta’ Għawdex għal dawn is-snin kollha. “Jiddispjaċini li ma rnexxielix nikkonvinċik biex dan il-perjodu jkun estiż iżda nifhem iċ-ċirkostanzi li jeżistu,” qal il-Maġistrat.

Kompla billi tenna li kien ta’ privileġġ għall-istess Qorti li mit-30 ta’ Ġunju 2015 kien il-marixxall tagħha fejn f’dan il-perjodu din il-Qorti ddeċidiet 482
kumpilazzjoni u 4,583 każijiet tad-distrett.

“Li kieku l-Qorti ma kelliex ‘supporting staff’ bħal Marixxall Portelli u Deputati Reġistraturi Mary Jane Attard assistita minn Joseph Grech kieku żgur dan ix-xogħol ma kienx ikun jista’ jsir u l-ġustizzja ma tkunx setgħet issir fi żmien raġjonevoli” kompliet tgħid il-Qorti.

Id-digriet jgħid ukoll li l-Marixall Mario Portelli għandu kariżma kif problema jipprova jsolviha u mhux ikkabbarha, kunflitt isolvih bil-kelma t-tajba, ix-xogħol fdat lilu jwettqu bi professjonaliżmu, skiet u kultant b’nuqqas ta’ mezzi.

Ingħad ukoll li l-impjegati kollha ta’ din il-Qorti li jidħlu fil-ħin żgur li se jħossu nnuqqas tiegħu speċjalment fit-tmienja ta’ fil-għodu kien isejjaħ lil kulhadd għall-Angelus kif jagħmel is-sejħa “ngħiduha tat-tmienja?”.

Din hi inizjattiva ferm tajba għaliex anke tgħin fil-komunikazzjoni bejn l-istaff. “Illum nawguralek li tgawdi lill-familja tiegħek issa li se jkollok aktar ħin għalihom. Kompli bil-ħidma tiegħek fil-Legion of Mary u tiddejjaqx li
kien hawn min jiġbidlek saqajk hux b’inkejja jew għal xi skop ieħor għax
int attiv f’din l-organizzazzjoni.

“Ibqa’ ahdem favur il-kawża ta’ beatifikazzjoni ta’ Dun Mikiel Attard li tiftakru sew jgħidilkom il-ħsieb spiritwali qabel il-partita’ tat-team li kont player ewlieni tiegħu n-Nadur u tiddejjaqx tasal sa hawn u tipprovdielna l-kitbiet li timmeditaw dwarhom fil-laqgħa ta’ kull xahar tal-grupp b’ispirazzjoni ta’ Dun Mikiel.

“Gawdi d-delizzji tiegħek … aktar ħin fl-għalqa u meta jippermettu onsob
għal dak permess u skont kif tipprovdi l-liġi. Grazzi Mario f’isem it-team tiegħi. Aċċetta dan ir-rigal żgħir misSantwarju ta’ Pinu biex tiftakar fil-ħidma li wettaqt b’tant għozza f’dan il-bini u barra”, sostna l-Maġistrat Mifsud.