Internazzjonali

Imwiegħeda elezzjonijiet ġodda fi Myanmar

L-Armata fi Myanmar irrepetiet il-wiegħda għal elezzjonjiet ġodda fil-pajjiż u qalet li l-militar, ‘il quddiem, għandu jitlaq mill-poter. Dan waqt li kienu qed ikomplu l-protesti tal-massa kontra l-kolp ta’ stat fi Myanmar li fetaħ għal era ġdida ta’ tensjoni u inċertezza.

Il-Ġeneral Zaw Min Tun, kelliem għall-Ġunta, indirizza l-ewwel konferenza tal-aħbarijiet tal-Armata minn wara l-kolp ta’ stat u qal li l-militar ħa r-riedni fil-pajjiż wara allegata frodi fl-aħħar elezzjoni li tat rebħa kbira lit-Tmexxija ċivili.

Il-Ġeneral ma preżentax il-provi biex jissostanzja kliemu – waqt li tenna li tressqet ‘tieni akkuża kriminali’ kontra l-Mexxejja demokratika ta’ Myanmar, Aung San Suu Kyi, li ilha tinżamm taħt arrest mill-Ewwel ta’ Frar.

Iżda waqt li l-Armata qed iżżid il-preżenza fit-toroq tal-ibliet, Zaw Min Tun sostna li l-qawwiet tiegħu mhumiex se jibqgħu fil-poter għal ħafna żmien. Il-Ġeneral, intant, wiegħed li ‘l-poter jingħata lill-partit li jirbaħ l-elezzjoni (ġdida) ippjanata’ — madankollu, hu ma provda l-ebda data għal din l-elezzjoni.