Lokali Parlament

Jeħtieġ li l-Gvern jixpruna l-ħiliet tal-anzjani

Maria Deguara, PN

Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara appellat lill-Gvern biex jixpruna l-ħiliet tal-anzjani biex dawn jibqgħu jikkontribwixxu fis-soċjetà.

Fil-parlament Maria Deguara semmiet ir-rapporti tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa bl-isem Decade of Healthy Ageing 2020-2030 u tal-Kummissjoni Ewropea bl-isem Green Paper on Ageing dwar il-proviżjoni tas-servizzi tas-saħħa tal-anzjani, jidentifikaw l-isfidi u jfassalu pjan ta’ azzjoni u koperazzjoni fuq bażi nazzjonali u reġjonali.

L-isfidi tal-anzjanità huma komuni għall-pajjizi żviluppati kollha. Popolazzjoni li dejjem qed tikber u tixjieħ ta’ bilfors twassal għall-inċidenza qawwijja ta’ mard deġenerattiv. Il-kura tal-kundizzjoni titlob l-użu ta’ teknoloġija avvanzata, żieda ta’ risorsi umani u tinvolvi nefqa dejjem akbar. Fl-aħħar snin tal-ħajja l-maġġoranza ta’ l-anzjani jispiċċaw ikollhom bżonn rikoveru fi sptar jew residenza.

Fid-dokument tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa nsibu li soċjetà anzjana għandha effetti diretti fuq is-soċjetà in ġenerali, effetti fuq id-dinja tax-xogħol, fuq swieq finanzjarji, fuq talba akbar għal-servizzi ta’ edukazzjoni, ta’ housing, tas-saħħa, fuq rikoveru fit-tul, fuq protezzjoni soċjali, trasport, informazzjoni u komunikazzjoni. Dan barra effetti oħra fuq il-familja u relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet differenti.

Rata ta’ twelid dejjem nieżla u opportunitajiet ta’ xogħol aktar remunerattiv qed iwasslu għal numru dejjem jiċkien ta’ professjonisti li jagħżlu karriera fis-saħħa. Aktar ma jgħaddi iż-żmien aktar pajjiżi żviluppati, fosthom pajjiżna qed jirrikorru għall-ingaġġar ta’ ħaddiema barranin.

Il-miġja tal-pandemija u l-effett fuq l-anzjani aċċellerat u ippreċipitat din il-kriżi li issa tinsab magħna. Dawn il-fatti jinstigawna biex nagħmlu l-aħjar użu mir-risorsi umani attwali fosthom il-parteċipazzjoni ta’ anzjani fid-dinja tax-xogħol.

Dan ma jfissirx li tiżdied ta’ bilfors l-età tal-irtirar imma tfisser li persuna anzjana b’saħħitha għandha tingħata l-opportunità li tkompli taħdem anke jekk b’siegħat anqas ta’ xogħol. Dan jgħin ukoll biex titnaqqas it-trawma mentali li persuna b’saħħita tiffaċċja meta illum tkun qed taħdem u l-għada tispiċċa mingħajr xogħol sempliċiment għax tasal għal l-età tal-irtirar.

Maria Deguara qalet li emm bżonn urġenti li nibdew inħarsu lejn l-anzjan u lejn l-anzjanità b’mod kompletament differenti minn kif ħarisna lejħa sal-lum. Il-kelma anzjan ma tfisserx li s-soċjetà m’għadx għandha aktar bżonnok. Lanqas ma tfisser li ma tistax tibqa’ tikkontribwixxi b’mod attiv lejn it-tkattir tal-ġid nazzjonali. Żewġ kunċetti fondamentali li qed jiġu propositi fiż-żewġ dokumenti imsemmija identifikaw il-ħtieġa ta’ lifelong learning u active ageing bħala soluzzjoni.

It-tnejn importanti biex jiżguraw li persuna tibqa’ mentalment u fisikament attiva fis-soċjetà u allura kapaċi tkompli tgħix u tgawdi il-ħajja tagħha b’mod independenti u li ma tkunx ta’ piż fuq is-soċjetà. Biex naslu niżguraw u ngħixu u ngawdu anzjanità b’saħħitha jeħtieġ nippreparaw ruħna minn kmieni fil-ħajja. Edukazzjoni minn età żgħira u promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja attiva huma t-tnejn fondamentali biex jiġi evitat mard preventiv aktar tard fil-ħajja. Ambjent nadif, stabilità finanzjarja, servizzi adekwati, infrastruttura imfassla skond l-eta’ tal-persuna u soċjetà li taraf il bżonnijiet partikolari tal-anzjani u li lesta tiżguralhom id-dinjità tagħhom bħala bnedmin, huma r-riċetta għall-garanzija ta’ suċċess.

Dan kollu jifforma parti minn dak li qed jiġi propost bħala soluzzjoni mid-WHO u il-Kummissjoni Ewropea li jagħmlu enfażi fuq il-bżonn urġenti ta’ koperazzjoni sħiħa bejn il-gvern, is-soċjetà ċivili, il-komunità, kif ukoll is-settur privat biex jitfassal pjan ħolistiku fuq medda ta’ snin. L-anzjani li qed jgħixu illum jeħtieġ li jitfaslilhom pjan li fl-iqsar żmien jindirizza il-bżonnijiet partikolari li għandhom fil-preżent. Jeħtieġ b’mod urġenti li l-gvern mal-komunità u s-soċjetà ċivili jindokraw u jixpruna l-potenzjal tal-persuna anzjana.

Dan jitlob li jiġi żgurat lilhom id-dritt għal kura personalizzata sew dik primarja u sekondarja kif ukoll dritt li jgħixu b’mod independenti fis-soċjetà. Meta dan ma jibqax possibbli għandu jiġi żgurat lilhom kura residenzjali ta’ kwalità ogħlja li tirrispettalhom id-dinjità tagħhom ta’ bnedmin. Dawn id-drittijiet huma universali u allura ma jagħmlux distinzjoni bejn il-ġeneru, nazzjonalità, twemmin u orjentazzjoni sesswali.

Biex niżguraw li l-anzjani ma jispiċċawx fix-xifer ta’ faqar finanzjarju jinħtieġ nidentifikaw modi ġodda ta’ irtirar volontarju bħal dak gradwat, penzjonijiet li jiżguraw għixien diċenti u independenti u sigurtà soċjali b’saħħita. Jeħtieġ ukoll li niżguraw li jkollhom servizzi ta’ kwalità fil-komunità u servizzi oħra provduti mil-istat meta tinqala’ l-ħtieġa.

Is-saħħa ma tfissirx biss nuqqas ta’mard fisiku. Biex niżguraw is-saħħa mentali ta’ l-anzjani, essenzjali nipprovdulhom tagħlim fl-użu ta’ sistemi diġitali tal-informatika biex jippermettilhom jibqgħu f’kuntatt dirett mal-familja, ma’ ħbiebhom, mas-soċjetà u biex jistgħu jużaw l-eHealth u japplikaw għal-dawk is-servizzi li jinħtieġu kull meta jkollhom bżonn minn ġewwa darhom.

Il-dokumenti qed imorru ferm oltrè u saħansitra jissuġġerixxu li fil-futur, minħabba li n-numru ta’ anzjani dejjem ser ikompli jikber, se jkun hemm bżonn li bliet futuri u anke dawk preżenti jsirilhom ippjanar u tibdil infrastrutturali. Dan biex iwieġbu għall-bżonnijiet ta’ popolazzjoni anzjana u fl-istess ħin jippermetti li l-anzjani u persuni oħra vulnerabbli fosthom dawk b’diżabilità u bid-demenzja jintegraw fil-komunità ma’ ġenerazzjoni aktar żagħżugħa.

Il-mira għat-twettieq tal-pjan hi s-sena 2030. Dak li qed jiġi propost jagħraf li minkejja li l-isfida hija l-istess għal pajjiżi kollha, kull pajjiż jinħtieġ jfassal pjan individwali. Kif wieħed jista’ jifhem it-triq hija twila. Dan huwa proċess inovattiv fejn hemm bżonn nitgħallmu waqt li nwetquh.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li hu importanti ukoll li biex dan iseħħ l-għaqdiet tal-anzjani jinħtieġ li jipparteċipaw meta u kull fejn jittieħdu deċiżjonijiet li jolqtuhom direttament. Dan il-mod għandu jwassal għal kisbiet li ġenerazzjonijiet ta’ anzjani qabilhom qatt ma ħolmu bihom. Proprju għal din ir-raġuni sew il-Għaqda Dinjija tas-Saħħa kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea qed jissuġġerixxu koperazzjoni u qsim ta’ esperjenzi biex nitgħallmu minn xulxin.

Nittama anzi konvinta li l-proposti taż-żewġ dokumenti f’dak li għandu x’jaqsam mat-tfassil ta’ policies futuri għall-anzjani, se jkunu l-bażi għat-tfassil tal-programmi elettorali taż-żewġ partiti politiċi għas-snin li ġejjin, sostniet Maria Deguara.