Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li nqabad bid-droga fil-Marsa

Raġel ta’ 30 sena mill-Ghana inżamm arrestat wara li ġie mixli li kellu fil-pusses tiegħu u mhux għal użu personali 32 gramma kannabis flimkien ma’ biċċiet oħra mill-istess droga u €280 fi flus kontanti.

L-Ispetturi Alfredo Mangion u Stacy Attard qalu lill-Maġistrat Charmaine Galea li nhar il-Ħadd wara nofs inhar għall-ħabta tas-1.30pm. waqt ronda tal-Pulizija, intlemħu tmien persuni fil-Marsa qaqoċċa flimkien. Kif dawn rawhom ħarbu jiġru u spiċċa arrestat  Haadi Mohammed. Fuqu nstabu 36 qartas u madwar seba’ biċċiet oħra ta’ droga kannabis.

Saret talba għal libertà proviżorja mill-Avukat tal-akkużat Simon Micallef Stafrace li kellha oppożizzjjoni minn naħa tal-Prosekuzzjoni fejn huma qalu li m’għandux indirizz fiss u li huwa qalilhom li għandu residenza Ħal Qormi u li iżda din mhijiex magħrufa fejn tinsab.

Qalu wkoll li huwa għandu permess ta’ residenza fl-Italja u li dan ġie kkonfiskat. L-Avukat Micallef Stafrace qal li l-ħelsien mill-arrest huwa dritt tal-akkużat. Il-Qorti ċaħdet it-talba fuq wara li qagħdet fuq is-sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni.

Huwa ġie mixli wkoll li wettaq dawn ir-reati f’distanza ta’ 100 metru mill-parametru ta’ skola jew post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ.  Wara s-seduta Mohammed ġie eskortat lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.