Lokali Parlament

Kuraġġ; qumu u tkellmu kontra l-korruzzjoni

Karol Aquilina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquiina appella lid-deputati tal-Gvern biex iqumu u jitkellmu kontra l-korruzzjoni li qed titwettaq mill-istess Gvern Laburista biex b’hekk il-pajjiż ma jibqax f’din is-sitwazzjoni diffiċli.

F’diskors fil-parlament Karol Aquilina qal li l-Gvern ma jridx isemmi u jfakkar lil Daphne Caruana Galizia u qed jipprova jnessi u jwarrab il-memorja tagħha. Il-Gvern hu ostili lejn il-familja Caruana Galizia u ostili għal kul proċess biex issir il-ġustizzja.

Dan hu l-iktar każ gravi li qatt seħħ fil-pajjiż u minflok jadem għall-verità, il-Gvern jipprova jostor il-verità u biex jinħeba min hu involut. Il-poplu għandu jsir jaf il-verità kollha għax ma tistax issir ġustizzja bla verità; kulħadd għandu jsir jaf l-involviment tal-Istat Malti fi-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-Gvern qed jipprova jimmina l-inkjesta pubblika, sostna d-deputat Nazzjonalista.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern mhux konvint li l-professjoni legali tkun regolata b’mod serju u biex din tingħata protezzjoni iktar iżda li għall-konvenzjenza l-Gvern qed jipprova jirregola iktar. L-obbligu tal-Gvern hu li jindirizza l-kwistjoni b’mod ħolisitiku u mhux jitrattha mill-aspett tal-Moneyval.

Hu qal li l-avukatura llum evolviet u għalhekk il-liġijiet għandhom jitrattaw lill-persuni fil-professjoni legali u mhux lill-avukati. Id-deputat Nazzjonalista sostna li jrid ikun ikkunsidrat li l-avukati ma jaħdmux biss fil-qorti u għalhekk jeħtieġ li s-servizzi legali offruti jkunu definiti.

Dwar il-Kamra tal-Avukati, Karol Aquilina qal li din is-sena l-Kamra se tagħlaq 144 sena; waħda mill-iktar entitajiet antiki li hawn fil-pajjiż li baqgħet tagħti kontribut bla waqfien. Hemm lok li l-Istat jirrikonoxxi lill-Kamra tal-Avukati b’mod uffiċjali. Il-Kamra tal-Avukati għandu jkollha wkoll iktar sehem fl-għoti tal-warrants lill-avukati għaliex il-Kamra hi rappreżentattiva tal-avukatura u għax l-Istat m’għandux jidħol f’min għandu jingħata l-warrant.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-kumitat appuntat għandu jkun indipendenti mill-Gvern u mhux kontrolalt mill-Gvern billi fih ikun hemm biss persuni appuntati mill-istess Gvern.

Hu qal li l-Gvern mhux jieħu azzjonijiet bis-serjetà għax ma jikkundannax lil Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi; il-Gvern jibqa’ ċċassat quddiem din is-sitwazzjoni.

Il-pajjiż tħalla mdendel u ma jibqax mal-ħmieġ, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li l-PN jitkellem meta jkun hemm kwistjonijiet. Il-Gvern għadu jdub quddiem Joseph Muscat; il-Gvern jitmejjel bil-ajjiż wara li ħoloq sitwazzjoni gravi. Ħad dmill-Gevrn ma tkellem dwar il-Panama Papers; ħadd ma vvota kontra Konrad Mizzi.

Wassltu lill-pajjiż fi qtilu fi problema li ħadd ma jaf kif tista tissolva; is-soluzzjoni hi li jkun elett Gvern ġdid Nazzjonalista, sostna Karol Aquilina, li sostna li l-Gvern ma jagħmel xejn quddiem il-każ ta’ Segretarju Parlamentari li ħadet il-flus għas-senserija mingħand Yorgen Fenech.

Dan meta kienet taf li Yorgen Fenech kien is-sid ta’ 17 Black; ħadd m’għandu l-kuraġġ jgħid li Rosianne Cutajar għandha titneħħa minn Segretarju Parlamentari. Qumu u tkellmu; il-ġudizzju tan-nies dwarkom tant se jkun negattiv li l-ebda sforz biex tiktbu l-istorja mhu se jkun possibbli, sostna Karol Aquilina, li appella lid-deputati tal-Gvern beix ikollhom il-kuraġġ u jitkellmu.