Numru ta’ pajjiżi, minn tarf sa tarf tal-Ewropa, qed jissapportu mewġa ta’ kesħa straordinarja anki għal dan iż-żmien tas-sena – fost il-kundizzjonijiet ta’ friża kontinwi madwar il-kontinent.
Ir-reġjuni taċ-ċentru u n-naħa ta’ fuq tal-Ewropa – flimkien mar-Renju Unit – bħalissa jinsabu għaddejjin minn din il-morsa ta’ friża, fost il-ħalbiet frekwenti tal-borra.
Is-sitwazzjoni qed tfixkel sew il-ħajja ta’ kuljum fil-Ġermanja, il-Polonja, l-Italja, l-Ungerija, l-Ukrajna, ir-Repubblika Ċeka, Franza u pajjiżi oħra, bl-inżul tal-borra ifisser ukoll inkonvenjent u problemi enormi għas-sewwieqa.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħaddiema fil-pajjiżi rispettivi qed jużaw il-mezzi kollha biex inaddfu kemm jistgħu l-munzelli tas-silġ u l-borra mit-toroq u l-istazzjonijiet tal-ferrovija. Dan waqt li l-awtoritajiet f’numru ta’ zoni anki qed iħeġġu biex il-ġenituri jżommu it-tfal ġewwa minflok jibgħatuhom l-iskola.
Madankollu hemm ukoll min qed jieħu vantaġġ mill-friża….
Fir-Repubblika Ċeka, id-dilettanti tal-cross-country skiing qed jipprattikaw dan il-passatemp fl-inħawi ta’ Charles Bridge ( fi Praga) u bit-tfal u ż-żgħażagħ qegħdin jiddevertu fil-parks ta’ Brussell, fil-Belġju, li spiċċaw koperti bil-borra.
Ir-residenti fl-Olanda fl-aħħar jiem kienu qed jipprattikaw is-skating fuq il-kanali friżati– b’dan il-passatemp qed ikun ukoll popolari qalb ir-residenti ta’ Kopenhagen, fid-Danimarka. Intant, fl-Ungerija, il-membri ta’ gruppi b’ismijiet bħal ‘Cold Water Tribe’ qegħdin jinżlu jgħumu fix-xmajjar kesħin silġ bħala parti minn tradizzjoni antika.
Dan meta fil-Greċja, fl-aħħar sigħat, arja ta’ kesħa straordinarja mlaqqma ‘Medea’ kienet qed tavvanza lejn in-nofsinar tal-pajjiż, bit-temperaturi jinżlu sa livell kważi storiku fil-pajjiż.
//= $special ?>