Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti ma’ laqgħetx diversi oġġezzjonijiet li saru minn anzjan li jinsab akkużat li kkorrompa tifla ta’ tmien snin.
Il-Qorti ċaħdet numru ta’ oġġezzjonijiet ippreżentati minn Grazio Azzopardi li qed jistenna li jgħaħdi mill-proċess ta’ ġuri talli allegatament wettaq atti mmorali fuq it-tifla.
Fl-2016 Grazio Azzopardi minn Ħaż-Żabbar, li dak iż-żmien kellu 65 sena, kien ġie akkużat li wettaq dawn l-atti fis-6 ta’ Ottubru tal-2015 u qabel u se jiffaċċja proċess minn ġurija fuq erba’ kapi ta’ akkuża.
Azzopardi jinsab akkużat ukoll li uża jew hedded bi vjolenza lit-tifla u li qassam materjal pornografiku u oxxen u li żamm jew issekwestra lit-tifla
taht l-età, sabiex toqgħod għal xi ħaġa li toffendi l-mistħija tas-sess tagħha.
L-avukat tal-anzjan argumenta fost affarijiet oħra li l-Prosekuzzjoni kienet “iddrammatizzat” l-akkużi sabiex “tagħti immedjatament lill-ġurati impressjoni li titfa’ dawl ħażin fuq l-akkużat u konsegwentement tista’ tippreġudika b’mod irremedjabbli l-proċess tiegħu mill-bidu nett.”
Azzopardi sostna wkoll li d-dikjarazzjoni tiegħu ttieħdet b’mod irregolari u bi ksur tad-drittijiet tiegħu. Iżda l-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti ddeċidiet li l-proċess tal-ġurija kellu s-salvagwardji meħtieġa biex jikkontrobilanċja kwalunkwe drammatizzazzjoni tal-akkużi.
Qalet ukoll li l-eżami dwar jekk id-dikjarazzjoni tal-akkużat ittieħditx jew le b’mod li kiser id-drittijiet tiegħu u li huma inammissibbli hija xi ħaġa li jkollha tidher fl-istadju tar-reviżjoni.
Ma kien hemm l-ebda raġuni biex l-istqarrija inkwistjoni tiġi ddikjarata inammissibbli, qal l-Imħallef. Oġġezzjoni għall-esibizzjoni ta’ dikjarazzjoni fuq il-bażi li ma kienx assistit minn avukat fil-ħin li ttieħdet, kienet miċħuda wkoll, peress li kienet tneħħiet skont il-liġi fis-seħħ dak iż-żmien.
L-argument tiegħu li t-tabib li eżamina l-vittma kellu jittieħed bħala xhud ordinarju u mhux bħala xhud espert, peress li aktar tard ġiet hekk maħtura mill-Qorti, ġie miċħud ukoll.
.