Lokali

AĠĠORNATA: Evakwati wara nirien fis-substation tal-Enemalta fil-Mellieħa

Evakwati madwar 60 persuna

Fl-aħħar ħin ġew evakwati l-ħaddiema u r-residenti kollha li kienu alloġjati f’lukanda fil-Mellieħa wara nirien ikkawżati fis-substation tal-Enemalta li tinsab f’din l-istess lukanda.

Numru ta’ membri tal-Protezzjoni Ċivili, Pulizija u Ambulanzi kienu msejjħa fi Triq Ġorġ Borg Olivier u fi Triq Sammy Bartolo fil-Mellieħa wara li għal xi raġuni mhux magrufa, irriżulta ħsara fis-substation.

Persuni li tkellmu ma’ Net News qalulna li s-sitwazzjoni wasslet għal ħidma kbira mill-istaff tal-lukanda u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili biex seta’ jiġi evakwat kulħadd mill-lukanda. B’kollox ġew evakwati mas-60 persuna.

Din il-lukanda tmiss ma’ numru ta’ residenzi, pero b’xorti tajba skont l-aħħar rapporti li wasslulna, ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.