Illum jaħbat l-40 xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u f’ittra li ‘Repubblika’ kitbu lill-Kummissarju tal-Pulizija, intqal li s-soċjetà tinsab preokkupata ħafna li s’issa l-ebda persuna mill-kamp politku ma tressqet il-Qorti biex twieġeb għall-għemil tagħha b’rabta ma’ dan il-qtil jew mal-korruzzjoni li ħakmet lil pajjiżna.
L-ittra tgħid li “quddiem il-ġustizzja tressqu kriminali u persuni mill-kamp tan-negozju iżda donnu li l-politiċi u dawk li jaħdmu fil-qrib magħhom huma intokkabbli.”
Repubblika komplew jgħidu li s-saltna tad-dritt tfisser li l-liġi hija suprema u li quddiem il-liġi kulħadd huwa indaqs.
Fl-ittra lill-Kummissarju ħareġ biċ-ċar li Repubblika jinsabu inkwetati li qed jikber ix-xettiċiżmu u li qed tiżdied l-atitudni ċinika li tqis li jinbidlu kemm jinbidlu l-affarijiet, kollox jibqa’ l-istess.
“Irridu nemmnu li Malta wkoll kapaċi tkun stat ħieles u demokratiku fejn ħadd ma jgawdi impunità u kulħadd, mill-kbir saż-żgħir, inkluż min hu jew kien fil-ħajja politka, irid jagħti kont ta’ għemilu.”
Repubblika temmet tgħid li tinsab determinata li tagħti l-kontribut tagħha.
//= $special ?>