Il-Kungress Amerikan mistenni jwaqqaf kummissjoni indipendenti biex tinvestiga l-attakk vjolenti tas-6 ta’ Jannar fuq il-bini tal-US Capitol f’Washington. L-offensiva fuq is-sede tal-poter tal-Istati Uniti kienet tmexxiet mill-partitarji radikali tal-eks President Amerikan Donald Trump u kienet swiet il-ħajja ta’ ħames persuni – fosthom uffiċjal tal-pulizija.
Min-naħa tagħha, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Nancy Pelosi, enfasizzat li ‘b’xi mod teħtieġ toħroġ il-verità dwar kif seta’ seħħ l-iżvilupp traġiku’. U f’ittra lid-deputati tal-Kamra, hi qalet li l-kummissjoni għandha tmexxi investigazzjoni simili għal dik dwar l-attakki terroristiċi storiċi ta’ Settembru tal-2001 fuq l-ibliet ta’ New York u Washington.
L-eks President Trump, fl-aħħar tal-ġimgħa, kien maħfur mis-Senat fir-rigward tal-akkużi li hu kien l-instigatur tal-vjolenza fil-kapitali. Iżda irrispettivament minn dan il-verdett, id-Demokratiċi, flimkien ma’ numru ta’ Repubblikani, appoġġjaw investigazzjoni indipendenti dwar l-irvellijiet tas-6 ta’ Jannar.
Issa, Nancy Pelosi qalet li l-Kummissjoni għandha tinvestiga u tirrapporta dwar il-‘fatti u l-kaġun’ tal-attakk, kif ukoll dwar ‘l-indħil fil-proċess tat-trasferiment tal-poter (wara l-elezzjoni għall-Presidenza li rriżultat f’telfa għal Trump)’. Għandha tkun investigata anki ‘ir-reazzjoni għall-vjolenza mill-pulizija fil-Capitol u l-membri tal-fergħat oħra għall-infurzar tal-liġi fil-kapitali’.
Intant, qed jitqiesu bħala sinifikanti l-kummenti tar-Repubblikan, Mitch McConnell — membru veteran tal-Kungress Amerikan — fis-sens li ‘Donald Trump għad jista’ iwieġeb għal dak li wettaq bħala President.’ McConnell anki għamilha ċara li ‘Trump għadu ma ħelishiex, fid-dawl tas-sitwazzjoni’.
Is-Senatur Lindsay Graham, magħruf bħala alleat kbir ta’ Trump, ukoll hu favur tal-inkjesta indipendenti dwar l-irvellijiet f’Wasington u esprima l-opinjoni li ‘l-eks President qed iġorr element ta’ ħtija’
Fl-aħħar ġimgħat, l-eks Ġeneral tal-Armata, Russel Honore, kien qed jevalwa l-ħtiġiet tas-sigurtà għall-bini tal-Capitol – b’Nancy Pelosi ssostni, wara l-analiżi, li l-Kungress jeħtieġ li jalloka l-fondi addizzjonali ‘għall-garanzija tas-sigurtà tal-membri tiegħu’.
//= $special ?>