Lokali Parlament

Tal-Labour protagonisti fl-isfreġju ambjentali

Ivan Bartolo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo semma’ diversi każi ta’ sfreġju ambjentali u qal li tal-Labour huma protagonisti f’dan ir-rigward.

Fl-Aġġornament tal-parlament Ivan Bartolo qal li fil-pajjiż hawn sfreġju ambjentali fosthom tqaċċit ta’ siġar u sostna li dan hu Gvern li ma jipproteġix is-siġar lanqas meta dawn ikunu huma protetti u maturi. Iżda l-agħar hi l-indifferenza tal-Gvern f’kull settur; il-Gvern jinjora wkoll lill-ambjentalisti.

Infrastruttura Malta hi ‘l fuq mil-liġi u tibqa’ tagħmel xogħlijiet bla permessi; l-importanti li jkollha t-timbru minn Kastilja. Hu qal li l-Kummissarju għall-Ambjent kien ukoll wissa’ li t-twessigħ tat-toroq mhix soluzzjoni għaliex l-ammont ta’ karozzi li hawn fil-pajjiż wisq għat-toroq.

Id-deputat Nazzjonalista qal li fis-Central Link intefqu €55 miljun iżda f’Ħ’Attard intilfu meded ta’ raba’ u nqered wirt storiku. F’Burmarrad, Infrastruttura Malta trid teqred raba’ u ġibjun storiku biex taqdi superkmarket f’żona li hi ODZ. Il-ġibjun għandu iktar minn 500 sena.

Għall-Gvern,ir-roundabout proposta għandha issir basta teqred art agrikola; il-bdiewa tal-akwati jiddependu mill-ġibjun. Għall-Gvern 5,600 oġġezzjoni kontra r-roundabout ma jfissru xejn għall-Gvern.

Hu semma’ wkoll il-Mosta fejn fil-Wied tal-Qlejja, il-korsa tal-ilma ġiet blokkjata minn materjal u radam tal-kostruzzjoni li ntefa’ waqt ix-xogħlijiet. Dan ibblokka l-passaġġ tal-ilma.

Dan il-wied illum kważi intilef minkejja li l-Gvern kien qiegħed li jipproteġi l-korsa tal-ilma. Il-pont antik li kien hemm twaqqa’ wkoll u flok inbnew slabbs ċatti qishom mina tad-drenaġġ tal-konkos. Il-Gvern qed jinora l-manifest elettorali tiegħu li wiegħed li jipproteġi l-ambjent; tal-Labour protagonisti fl-isfreġju ambjentali.