PSG għelbu lil Barcelona fin-Nou Camp bl-iskor ta’ 4-1 b’ Kylian Mbappe jiskurja tripletta f’konfornt bejn iż-żewġ ġganti Ewropej. PSG daħlu għal dan il-konfront mingħajr l-istilla Brażiljana Neymar filwaqt li għal Barcelona irritorna id-difensur ċentrali Gerard Pique. Barcelona ikkwalifikaw minn fuq PSG fl-aħħar tliet darbiet li dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu fil-fażi tan-knockout, bl-aktar partita memorabbli tkun dik tal-2017, meta Barcelona dawwru it-telfa ta’ 4-0 li soffrew fl-ewwel leg, biex rebħu it-tieni konfront fl-aħħar sekondi bl-iskor ta’ 6-1. L-ewwel taqsima kienet mimlija azzjonijiet biż-żewġ timijiet ikunu offensivi u jħallu l-ispazju fuq wara.
Barcelona marru viċin fit-13-il minuta meta wara azzjoni maħduma tajba, iż-żagħżugħ Pedri għadda ballun tajjeb lil Antoine Griezmann, bit-tentattiv tiegħu ikun salvat tajjeb mill-gowlkiper Keylor Navas. Barcelona ingħataw penalty fil-25 minuta meta minn pass fit-tul Frenkie De Jong deher li kien mwaqqa’ fil-kaxxa mid-difensur Layvin Kurzawa. LIONEL MESSI inkariga ruħu mill-ħdax-il metru u b’penalty preċiż fir-rokna tax-xibka għeleb lil Navas għal 1-0. PSG irrispondew ħames minuti wara permezz tal-attakkant prolifiku KYLIAN MBAPPE, meta wara pass intelliġenti ta’ Marco Veratti, qabeż lil Gerard Pique fil-kaxxa u spara xutt b’saħħtu fis-saqaf tax-xibka għal 1-1. PSG reġgħu kienu perikolużi fl-34 minuta meta Mbappe għadda lejn Kurzawa bix-xutt fil-baxxa tiegħu ikun mdawwar f’corner mill-gowlkiper Ter Stegen.
Barcelona irrispondew b’azzjoni veloċi ta’ Griezmann bil-konklużjoni tiegħu tgħaddi ftit barra. Fit-tieni taqsima iż-żewġ timijiet baqgħu jfittxu l-gowl u proprju fl-64 minuta PSG kisbu it-tieni gowl. Kien Leandro Paredes li b’ballun preċiż sab lil Florenzi mal-linja leminija, bit-Taljan jitfa’ cross tajjeb fil-kaxxa, bid-difiża Katalana tonqos milli tbiegħed il-periklu, biex KYLIAN MBAPPE irreaġixxa qabel kulħadd u tefa’ l-ballun fix-xibka. Ħames minuti wara PSG għamluwhom tlieta meta minn free kick ta’ Paredes din id-darba kien MOISE KEAN li sab ruħu żmarkat fil-kaxxa u b’daqqa ta’ ras tajba għeleb lil Ter Stegen għal 3-1. Biex fil-85 minn kontra attakk veloċi ta’ Julian Draxler kien KYLIAN MBAPPE li għaqqad tripletta personali meta b’xutt bid-dawra għeleb għal kollox lil Ter Stegen għal skor finali ta’ 4-1.
//= $special ?>