Inklużi wkoll siltiet mit-tweġiba ta’ Infrastructure Malta
Il-Gvern qabad u qered art pubblika li raġel kien jieħu ħsiebha fiċ-ċentru ta’ Ħaż-Żebbuġ. U dan biex titwessa’ Triq il-Fraxxu, li hi twila biss 70 metru.
Kmieni filgħodu, ir-raġel li kien jieħu ħsieb din iz-zona kien infurmat mill-ġirien li ħaddiema ta’ Infrastructure Malta kienu se jeqirdu għalkollox is-siġar li kien ilu jieħu ħsieb b’tant għożża għal 40 sena. Barra minhekk, twaqqgħu ħajt u kamra żgħira għax, skont Infrastructure Malta, kienu mibnija illegalment.
Madankollu, fi tweġiba għall-istorja ppubblikata f’NETnews.com.mt, Infrastructure Malta m’għamlet l-ebda referenza għall-fatt li x-xogħol sar mingħajr il-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar u mingħajr l-ebda konsultazzjoni mal-Kunsillieri Lokali u r-residenti … ħaġa li wkoll kienet miċħuda mill-Aġenzija tal-Gvern.
Appena sabu l-bulldozer ma’ wiċċhom, għadd ta’ residenti li jgħixu fil-qrib ipprotestaw mal-Uffiċjali ta’ Infrastructure Malta. Fosthom Ġużi, li ra diversi siġar tad-dwieli li kienu diġà nqerdu għalkollox. Hu spjega lil NET News li waqt li kien qed jipprotesta mal-Uffiċjali ta’ Infrastructure Malta, hu kien anke mwaqqaf mill-Pulizija.
Il-persuni li kienu qed jipprotestaw akkużaw lill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Frederick Azzopardi li qed juża’ lill-Pulizija biex jipproteġuh meta fil-verità, huma r-residenti li għandhom bżonn il-protezzjoni minnu.
Ġużi kkritika wkoll lill-awtoritajiet li qabdu u bdew ix-xogħol mingħajr l-ebda avviż minn qabel. Fit-tweġiba, Infrastructure Malta qalet li kienu r-residenti u l-Kunsill Lokali li talbu li t-triq titwessa’.
Iżda l-verita hi li l-Kunsill preżenti ma ta l-ebda barka u kienet is-Sindku ta’ qabel li qablet ma’ dan il-progett – xogħol li allegatament qed isir biex jiġu aġevolati biss persuni qrib il-Partit Laburista.
//= $special ?>