Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera iddikjarat sentenza ta’ tmien xhur ħabs bħala waħda nulla fil-konfront ta’ Sylvester Grech ta’ 34 sena miż-Zurrieq minħabba li huwa ma ngħatax smigħ xieraq mill-Ewwel Qorti.
F’Ottubru li għadda Grech kien ġie kkundannat tmien xhur ħabs wara li nstab ħati li kkaġuna ġrieħ ħfief fuq l-eks sieħba tiegħu. Sar Appell kemm fuq il-piena u s-sentenza kif ukoll fuq notifika ta’ osservazzjonijiet li ma ġietx infurmata biha u l-fatt li t-terminu skont il-liġi kien skada.
Il-Qorti tal-Appell iddikjarat is-sentenza mogħtija fl-20 ta’ Ottubru, 2020 bħala nulla u bla effett peress li ma ordnatx li n-nota tal-parte civile tiġi notifikata lilu qabel ma għaddiet għas-sentenza, irrikmandat ukoll biex l-atti kollha jintbagħtu lura lill-Ewwel Qorti sabiex tinstema’ l-kawża.
Għaldaqstant issa l-kawża għandha tkompli u tiġi assenjata lill-Maġistrat bil-polza biex ikompli jinstema’ l-każ. L-Imħallef Scerri Herrera qalet li -Ewwel Qorti ma kellix tgħaddi għas-sentenza qabel ma taċċerta ruħha li Grech kellu jiġi notifikat bin-nota ta’ osservazzjonijiet tal-Prosekuzzjoni għax dan ifisser difett serju proċedurali li waħdu jista’ jwassal għan-nullità tal-proċeduri u tas-sentenza appellata.
Ingħad ukoll li dan il-punt fil-fatt kien ġie trattat fis-sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali fl-ismijiet Christopher Cassar vs Onorevoli Prim Ministru f’-kawża kriminali fil-konfront ta’ Christopher Cassar fejn il-Prosekuzzjoni kienet ippreżentat nota ta’ sottomissjonijiet mingħajr mad-difiża kienet taf.
Għalhekk id-difiża ma kinitx f’pożizzjoni li tirribatti il-kontenut tan-nota u għalhekk l-applikant kellu d-dritt tieghu ta’ smiegh xieraq imnaqqas. Il-Qorti tal-Appell irrimarkat li dak li seħħ quddiem l-Ewwel Qorti sar bi ksur tad-dritt fondamentali ta’ Grech għal smigħ xieraq li f’pajjiżna huwa garantit kemm mill-Kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll mill-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.
L-Ewwel Qorti ma kinitx sabet lil Grech ħati li ħoloq biża’ lill-vittma, li kienet se tintuża vjolenza kontriha. Il-każ kien seħħ fis-6 ta’ Jannar tal-2019 bil-Qorti tordna wkoll li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma.
It-tabib li kien ra lill-vittma fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta qal li l-mara allegat kienet qalghet daqqiet ta’ ponn f’wiccha . Huwa spjega li l-grieħi kien ikklassifikahom bħala ħfief għax ma kienx hemm kumplikazzjonijiet.
Il-vittma fix-xhieda tagħha qalet li fis-6 ta’ Jannar 2019 kienet id-dar isajjar u f’ħin minnhom qalet lil Grech li l-ġiżirana tagħha li kellha valur sentimentali u ma setgħetx issibha u bdiet twaħħal fih li kien ħadha hu. Hija sostniet li imbaghad Sylvester Grech beda jagħtiha bil-ponn.
Il-ġlieda damet għaddejja madwar tlett kwarti sakemm imbagħad bdiet tgħajjat għall-għajjut. Ix-xhud kompliet tispjega li f’ħin minnhom hija ippruvat tieħu sikkina mill-kċina biex tbeżża’ lill-imputat biha iżda imbagħad din hija telqitha minn idha għal fuq il-mejda.
F’ħin minnhom waslu l-Pulizija u fetħilhom l-imputat. Qalet li kienet marret biex jarawha l-Pulizija. Pero ma saqsewhiex fuq id-daqqiet. Qalulha biss li kienu qegħdin jagħmlu l-istorbju. L-għada marret il-klinika tal-Mosta u eventwalment għamlet rapport fl-Għassa taż-Żurrieq.
Qalet li dan ma kienx l-ewwel inċident ta’ bejniethom. Kien hemm diversi drabi fejn hija ġiet mhedda. Hija ippreżentat ukoll numru ta’ ‘voice clips’ mimlijin theddid.
L-Ispettur Roderick Attard kien qal li kellem l-ewwel darba lill-vittma jumejn wara li seħħ il-każ fejn innota li kellha ‘black eye’. Hija qaltlu li kienu marru erba’ Pulizija d-dar tagħhom u kemm l-imputat kif wkoll hi kienu qalulhom li kien kollox sew.
Mistoqsija għalfejn kienet wieġbet hekk lill-Pulizija, qaltilhom li kienet qed tibża. L-Ispettur minn hemm ghadda biex arresta lill-imputat. Sylvester Grech qal li dak inhar mar ġabar lis-sieħba tiegħu mix-xogħol għall-ħabta tal-10pm.
Waslu d-dar, hareg bil-kelba u x’ħin daħal lura hi akkużatu li kien serqilha l-ġiżirana. Qaltlu li jekk ma kienx seraqilha hu, kien ħadilha ibnu. Hu ċempel lil ibnu biex jivverifika jekk kienx ra l-giżirana.
Izda hu wieġbu li le. Kompla li kien se jidħol fil-kamra tas-sodda u fil-pront hija ġibdet il-kexxun u ħarġet sikkina. Bdiet tgħidlu li jew se jagħtiha l-gizirana jew inkella kienu se jispiċċaw ħażin.
Kien qal li qabadha minn idha u hija telqet is-sikkina. L-argument kompla u f’ħin minnhom spiċċaw fuq xuxlin u hija daħlitlu zewgt idwiefer taħt għajnejh. Hu pprova jiddefendi lilu inniffsu. Minn hemm huwa ħareġ ’l barra mid-dar fi sforz sabiex jikkalmaw l-affarijiet.
Huwa daħal lura u ftit wara waslu l-Pulizija. Hi ma riditx tmur tiftħilhom u għalhekkk mar hu. It-tnejn ikkonfermaw mal-Pulizija li kien kollox sew. L-għada filgħodu qamet bħal li kieku ma kien ġara xejn u skużat ruħha miegħu.
Qaltlu li dak li ġara kien sforz tal-ansjetà li kienet tbati minnha. Huwa ċaħad li kien għamel nofs siegħa jagħtiha d-daqqiet. Qal li lanqas ma seta’ kieku ried peress li jbati b’qalbu u l-ażma. Għall-akkużat deheru l-Avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela.
//= $special ?>