Għaddiet ġurnata oħra u l-Prim Ministru Robert Abela baqa’ ma ħa l-ebda azzjoni fil-konfront tas-Segretarju Parlamenteri Rosianne Cutajar wara li rapporti fil-media komplew jikxfu aktar skandli u r-rabtiet mill-qrib ferm li kellha mal-imprenditur Yorgen Fenech. Fenech, li allegatament kellu rabtiet ta’ negozju mal-istess Cutajar u li għalihom ħallas l-eluf ta’ ewro, jinsab akkużat b’kompliċita fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Jidher li Abela sa issa kien dgħajjef wisq biex jieħu azzjoni, jew biex jitlob lil Rosianne Cutajar tissospendi ruħha b’mod temporanju minkejja r-rapporti fil-media.

Din in-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tal-Prim Ministru fil-konfront ta’ Cutajar, qed tispiċċa tkompli tpoġġi pressjoni kbira fuq id-deputati Laburisti. Dan kif kien evidenti meta morna nitolbu il-kummenti tagħhom huma u deħlin fil-bini tal-Parlament ilbieraħ waranofisnhar.
Ir-reazzjionijiet tad-Deputati jfakkru ħafna f‘dawk li konna naraw mingħandhom stess meta kienu jiddefendu lil Joseph Muscat, lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri.
Il-Ministru Clyde Caruana ma riedx iwieġeb dwar ir-rapporti fuq Cutajar u qalilna biss li sa issa dak kollu li ħareġ huma allegazzjonijet.
Uħud mid-Deputati, bħall-Ministru Clayton Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Chris Agius qalu li komdi b’Cutajar maġenbhom, iżda mhux daqstant komdi dehru l-Ministri Michael Falzon u Clint Camilleri li ma riedux jikkummentaw.
Lanqas il-Ministru Michael Farrugia ma kien wisq komdu jwieġeb dwar Cutajar, u l-Ministru Owen Bonnici wkoll deher xi ftit mifxul bil-mistoqsijiet.
Għall-mistoqsija jekk kienx jissospendi ruħu kieku kien hu minflok Rosianne Cutajar, il-Ministru Jose Herrera qalilna li rridu nistaqsu lilha.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi, u l-Ministri Roderick Galdes u Justyne Caruana ilkoll kienu skomdi mmens għall-mistoqsijiet, u baqgħu mexjin mingħajr ma waqfu biex iwieġbu.
Minn naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qalilna li jemmen dak li tgħid is-Segretarju Parlamentari Cutajar u joqgħod fuqha, bis-Segretarju Parlamentari Deo Debattista wkoll jagħtiha il-‘benefiċju tad-dubju’.
Madankollu l-aktar wieħed li deher determinat huwa l-Ministru Ian Borg, li insista li se jibqa’ jiddefendiha.
Fl-aħħar jiem il-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler beda jinvestiga l-każ wara r-rapport li deher fil-ġurnal Maltatoday, iżda fl-isfond ta’ dan kollu, għall-Prim Ministru Robert Abela jidher li kollox business as usual.
//= $special ?>