Lokali Parlament

Il-Gvern irid jibdel il-proċedura kif tinkiseb l-informazzjoni fil-PAC

Il-Gvern irid jibdel il-proċedura kif tinkiseb l-informazzjoni fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) billi l-mistoqsijiet isiru lill-entitajiet responsabbli u mhux permezz tal-Awditur Ġenerali. Dwar dan il-Gvern talab ruling lill-Ispeaker.

Il-PAC llum reġa’ iltaqa’ biex ikompli jiddiskuti l-kuntratt dwr il-power station tal-Electrogas iżda ma sema’ l-ebda xhud.

Għall-Gvern ipparteċipaw il-Whip Laburista Glenn Bedingfield, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat u d-deputat Laburista Stefan Zrinzo Azzopardi. Id-deputati f’isem l-Oppożizzjoni kienu d-deputat Nazzjonalista u Chairman tal-Kumitat Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u Ryan Callus.

Fil-bidu tal-laqgħa l-Whip Laburista ressaq oġġezzjoni għall-mod kif l-Oppożizzjoni trattat lix-xhud David Galea u qal li dan ix-xhud kien trattat b’intimidazzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li x-xhud ma bediex jgħid il-verità, minkejja li ken taħt ġurament u beda jiftakar biss wara insistenza mill-Oppożizzjoni. Hu ċaħad li dan ix-xhud kien b’xi mod intimidat mill-Oppożizzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus talab lill-Awditur Ġenerali biex jippreżenta lista ta’ konsenji li saru mill-vapur tal-LNG u l-prezzijiet li tħallsu minn meta bdiet topera l-power station tal-Electrogas. Il-Gvern oġġezzjona għal din it-talba tal-Oppożizzjoni għaliex sostna li l-Awditur Ġenerali mhux il-messaġġier tal-PAC.

Il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield qal li din l-informazzjoni għandha tintalab lill-Enemalta. Il-kumitat ħa vot fejn l-Oppożizzjoni ivvutat favur il-mozzjoni ta’ Ryan Callus waqt li l-Gvern ivvota kontra. Il-Kumitat qabel li l-informazzjoni tintalab u tingħata mill-Enemalta.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat talab ruling lill-Ispeaker biex bħala proċedura, l-informazzjoni rikjesta tintalab lill-entitajiet rispettivi u mhux permezz tal-Awditur Ġenerali.

Il-Kumitat aġġorna għal data wara li jkun ingħata r-ruling tal-Ispeaker.