Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Il-Gvern Laburista għal darb’ oħra fiċ-ċentru ta’ ksur tal-liġi – PN

Infrastructure Malta b’xogħlijiet mingħajr permessi u mingħajr ma tinfurma lill-Kunsill Lokali u lir-residenti

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tinnota l-iżviluppi li saru dalgħodu f’Ħaż-Żebbuġ, fejn Infrastructure Malta għal darb’oħra bdiet xogħlijiet mingħajr ma kellha l-permessi meħtieġa u mingħajr ma infurmat lill-Kunsill Lokali u lir-residenti.

Dan saħquh l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Infrastruttura Toni Bezzina, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali Karl Gouder – flimkien mal-Kunsillieri tal-PN f’Ħaż-Żebbuġ; David Battistino u Kevin Glynn fejn sostnew li dan sfortunatament huwa eżempju ieħor kif għall-Gvern Laburista xejn mhu xejn u fl-arroganza tiegħu jkompli jagħmel fattih bla ma jinteressah li mqar jikkonsulta ma’ min se jiġi affetwat minn dawn ix-xogħlijiet, u li fil-proċess tagħhom iwassal għat-tnaqqis fil-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti.

Huwa saħaq li kif ikkonferma s-Sindku Laburista u l-Kunsilleri ta’ Ħaż-Żebbuġ stess, ix-xogħlijiet li inbdew fi Triq il-Fraxxnu f’Ħaż-Żebbuġ, inbdew mingħajr ma kien imqar infurmat il-Kunsill Lokali.

Għall-Partit Nazzjonalista li l-Kunsilli Lokali jkunu njorati mill-aġenziji tal-Gvern mhu bl-ebda mod aċċettabbli għaliex huma l-istess Kunsilli Lokali li kapaċi jservu ta’ gwida għal Infrastructure Malta ta’ kif l-aħjar ikunu esegwiti x-xogħlijiet, għaliex huma jafu l-belt jew raħal u l-esiġenzi tar-residenti tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista, f’isem ir-resident tal-inħawi jikkundanna dan l-aġir tal-Gvern u jħeġġeġ għal aktar spirtu ta’ konsultazzjoni u informazzjoni mar-residenti u l-entitajiet tal-lokalità, għaliex huma biss dawn l-entitajiet li jifhmu eżatt il-problemi u l-isfidi li jaffaċċjaw ir-residenti tal madwar.

Konsultazzjoni vera tfisser proġetti ta’ fejda li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha