Lokali Parlament

Il-Gvern qed jimmina l-indipendenza tal-avukatura u tas-saltna tad-dritt

Joe Ellis, PN

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern qed jimmina l-indipendenza tal-avukatura u tas-saltna tad-dritt.

Fil-parlament Joe Ellis qal li l-avukati ilhom jinsistu biex ikunu rikonoxxuti biex ikunu huma li jgħmlu l-awto regolamentazzjoni. Il-Gvern mhux jagħti rikonoxximent lill-Kamra tal-Avukati ħlief għal riferenzi li diġà kienu jeżistu f’liġijiet oħra.

Hu qal li r-rapport tal-Moneyval sar ħtija tal-Gvern u issa l-Gvern qed jipprova jagħmel ħafna eżerċizzji biex taparsi jkunu indirizzati l-prekopuazzjonijiet tal-Moneyval.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-awtonomija tal-avukatura qed tkun imminata u sostna li l-Gvern qed iżid il-kontroll tal-Gvern fuq min isir avukat.

Hu kkritika l-kompożizzjoni tal-Kumitat tal-Għażla fosthom il-fatt li ċ-Chairman irid bilfors ikun imħallef irtirat. M’hemmx ukoll il-ħtieġa li l-ministeru jindaħal fil-kumitat li jiddixxiplinja l-membri tal-ġudikatura; għaliex se tiddaħħal il-politika f’dan ir-rigward?

Id-deputat Nazzjonalista qal li se titneħħa r-regola li min jeħel iktar minn sena ħabs ma jkunx jista’ jipprattika ta’ avukat u se tkun il-Kummissjoni għall-Anministrazzjoni tal-Ġustizzja li trid tirrakkomanda lill-President dwar dan. Dan żgur mhux rakkomandat mill-Moneyval, sostna Joe Ellis, li kompla li mhux ċar xi jfisser it-terminu ‘persuna m’għadhiex tajba u xierqa’.

Dwar id-ditti legali, id-deputat Nazzjonalista qal li din ir-realtà mhux qed tkjun indirizzata kif suppost. Hu appella biex din il-liġi terġa’ tkun ikkunsidrata għaliex jista’ jkun kumpanija ta’ supermarkets jew operat ieħor jimpjega avukat u tibda tkun ikkunsidrata bħala ditta legali.

Dan in-nuqqas se joħloq ħafna konfużjoni, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-Gvern qed jimmina l-indipendenza tal-avukatura u tas-saltna tad-dritt.

Hu appella biex l-impjegati tal-qorti jingħataw it-tilqima ma’ uffiċjali oħra għaliex dawn ukoll jinsabu fuq quddiem fil-kunttat mas-soċjetà.