Il-Ministru Ian Borg ipprova jqarraq bil-pubbliku meta, f’intervista mat-timesofmalta.com, qal li mhux minnu li ġibjun ta’ 500 sena se jinqered biex tinbena roundabout quddiem supermarket f’Burmarrad.
Hekk qal il-Moviment Graffitti fi stqarrija, fejn innota li s-supermarket hu proġett ta’ kumpanija li s-sena li għaddiet ħadet €7.7 miljun f’kuntratti u direct orders mingħand Infrastructure Malta.
Il-Moviment qal li jekk il-pjani tal-Gvern jibqgħu kif inhuma, il-ġibjun se jinqered, ladarba dan jinsab fil-livell tat-triq u r-roundabout se tkun qed tirfes fuqu. Barra minhekk, baqa’ ma sar l-ebda studju biex ikun spjegat kif tista’ ssir ir-roundabout jew biex ikunu mħarsa l-ġibjun u anke l-persuni li jużaw din it-triq.
Il-Moviment kompla li Ian Borg u l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Frederick Azzopardi qed jingħataw ħafna spazju fuq ix-Xandir tal-Istat biex jattakkaw lill-kritiċi tagħhom u jdawru l-fatti dwar il-proġetti ppjanati.
Fl-istess waqt, tal-Graffitti fakkru lill-Ministru li mhux huma biss jemmnu li Ian Borg mhux kredibbli, iżda anke l-Qorti meta xehed f’kawża ta’ libell. Dan filwaqt li s’issa hemm aktar minn 5,900 oġġezzjoni minn residenti, bdiewa u ċittadini oħrajn, filwaqt li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ivvota unanimament kontra l-proġett.
//= $special ?>