Is-sidien tal-isnack bars qed iħossuhom iddiskriminati li mhu se jirċievu l-ebda għajnuna mill-Gvern minkejja li ilhom ammont ta’ ġimgħat ibatu minn tnaqqis drastriku fil-bejgħ.
Joe Cassar, sid snack bar f’Tas-Sliema, spjega ma’ NET News kif, minħabba li l-ħanut tiegħu hu bbażat fuq l-alkoħol, il-waqfien milli jkompli jbigħ l-alkoħol f’Ottubru li għadda fisser li ma kienlux aktar vijabbli jibqa’ miftuħ.
Dan minbarra l-għeluq aktar kmieni din is-sena, bl-ammont totali ta’ jiem magħluqin issa qabeż il-200.
Joe kompla jispjega li għalih u min hu bħalu, l-ispejjeż ma waqfux matul il-200 jum li x-xogħol tiegħu waqaf kważi għalkollox. Għaldaqstant, l-anqas ħaġa li l-Gvern seta’ jagħmel kien li jagħtihom imqar ftit għajnuna finanzjarja.
Sid is-snack bar kompla li minħabba dawn l-aħħar restrizzjonijiet, kellu jarmi ħafna mill-istock. Filwaqt li, fil-każ tiegħu, ma kellux tnaqqis fil-kirja.
U bi spejjeż oħrajn – bħall-kontijiet tad-dawl minħabba l-fridges mixgħulin għal dan iż-żmien kollu – Joe Cassar tenna li ma jistax ikun li l-Gvern iwarrabhom u jħallihom jegħrqu waħedhom.
//= $special ?>