Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ ma kienx ikkonsultat dwar ix-xogħol fi Triq il-Fraxxnu, li wassal għall-isfreġju fuq il-medda ta’ art li ilha tinħadem b’għożża minn wieħed mir-residenti għal dawn l-aħħar 40 sena.
Kien is-Sindku Laburista stess, Malcolm Paul Galea, li kkonferma dan fuq Facebook, fejn tenna li, ladarba ma kienux ikkonsultati, ma setgħux jiddiskutu mal-awtoritajiet ħalli jaraw il-bżonnijiet tar-residenti minn qabel.
Galea – li hu persuna qrib ħafna tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela – kompla li bħala Kunsill Lokali, qed jiltaqgħu ta’ spiss ma’ problemi ta’ komunikazzjoni ma’ diversi Ministeri u awtoritajiet. Għaldaqstant, hu wiegħed li se jkompli jaħdem fl-interess tar-residenti.
Min-naħa l-oħra, ikkritika l-fatt li fil-post kien hemm preżenza qawwija ta’ Pulizija, sempliċiment għax kien hemm xi residenti jipprotestaw kontra proġett.
