Jappellaw li bħala soċjetà rridu nagħtu prijorità lill-interessi tal-ġid komuni
“L-ebda persuna m’għandha tiġi arrestata fuq pussess sempliċi ta’ droga kannabis”. Dan sostnewh Caritas Malta, Fondazzjoni Oasi, Aġenzija Sedqa u l-Assoċjazzjoni tal-Psikjatrija f’Malta fi stqarrija dwar l-użu tal-Kannabis f’Malta.
Huma saħqu li mhux kull min jibda bil-Kannabis bilfors jgħaddi għal drogi oħra u li din il-mentalità hija waħda antikwata f’każ li l-persuna nvoluta jkun adult, filwaqt li insistew li mhux kull min ipejjep din id-droga jispiċċa dipendenti fuqha.
Madanakollu insistew li l-ingredjenti f’din it-tip ta’ droga tikkawża dannu għall-moħħ tal-adolexxent li jkun għadu qed jiżviluppa u hija ta’ periklu kbir għal min ikun f’riskju li jiżviluppa problemi ta’ saħħa mentali. Dan filwaqt li ġie preċiżat li l-użu fit-tul tal-Kannabis kapaċi jwassal għal dimensja aktar tard fil-ħajja.
Filwaqt li studju ta’ Sedqa, li twettaq fl-2019, wera li 12% tal-adolexxenti ta’ 15-il sena saħqu li provaw il-kannabis – ir-rata hija ferm baxxa mill-medja Ewropea. Madanakollu, studju li twettaq tul il-pandemija tal-Covid-19 wera li f’pajjiżna l-istudenti Universitarji żiedu l-konsum tagħhom ta’ din id-droga f’dawn l-aħħar xhur.
Dan filwaqt li ġie nnotat li l-Kannabis hija l-aktar sustanza llegali li qed tintuża fil-pajjiż u jekk din tiġi legalizzata għall-użu personali tkun aktar diffiċli sabiex tieqaf tikkonsmaha jekk persuna tiġi dipendenti fuqha, bl-NGOs jisħqu li dan iseħħ peress li ma jkunx hemm pressjonijiet legali fuq dak li jkun.
Huma sostnew li persuna li tikkonsma l-Kannabis m’għandhiex tiġi arrestata minħabba l-użu per se u m’għandha qatt tiġi stigmatizzata.
Għaldaqstant, irrakkomandaw li tissaħħaħ il-liġi tal-2014 f’każi ta’ dawk il-persuni li jinqabdu jikkonsmawha għall-ewwel darba filwaqt li tiġi msaħħa d-dixxiplina u l-infurzar fi stabbilimenti tad-divertiment.
Dan filwaqt li sejħu għat-twettieq ta’ evalwazzjoni qawwija tal-impatt li jista’ jkun hemm fuq il-benesseri tas-soċjetà Maltija jekk tiġi legalizzata l-Kannabis għall-użu personali f’pajjiżna.
//= $special ?>