Futbol Sport

L-Eżekuttiv tal-MFA japprova t-twaqqif tal-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol

(Ritratt: Domenic Aquilina/MFA)

Wara li l-ġimgħa li għaddiet l-MFA nediet l-istrateġija tagħha għall-erba’ snin li ġejjin, l-Eżekuttiv tal-MFA approva t-twaqqif tal-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol, wieħed mill-pilastri ta’ din l-istrateġija.

Wieħed mill-għanijiet ta’ din il-Fondazzjoni se jkun li timplimenta l-istrateġija fil-qasam tal-iżvilupp taż-żgħażagħ. Dan se jsir billi tiżdied l-aċċessibilità u l-parteċipazzjoni fil-futbol, ikun hemm rabta bejn il-grassroots u l-livell elite, u l-protezzjoni tat-tfal u l-ħarsien tal-players.

Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li t-twaqqif ta’ din il-Fondazzjoni huwa kruċjali fl-istrateġija tal-MFA sabiex il-futbol jagħmel il-qabża li jmiss.

Il-miri tal-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol huma li sal-2024, il-parteċipazzjoni fil-futbol tiżdied bi 15% f’kull livell, jiġi introdott programm ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ tal-futbol fl-iskejjel, jiżdiedu u jissaħħu l-attivitajiet soċjali marbuta mal-futbol, pjan biex jkunu żviluppati l-futsal u l-beach soccer kif ukoll twaqqif ta’ akkademja li toffri korsijiet u taħriġ ma’ kull qasam marbut mal-futbol.

Sabiex il-logħba tal-futbol tkompli tikber, l-MFA waqqfet tliet hubs, tnejn f’Malta u wieħed f’Għawdex għal plejers promittenti li għandhom bejn 11 u 14-il sena. Dawn il-hubs se jkunu imexxija mill-eks kowċ tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena Silvio Vella.

Fl-istess laqgħa tal-Eżekuttiv, il-Kumitat tal-Etika preżenta l-Kodiċi tal-Etika l-ħodda kif ukoll it-twaqqif ta’ Kumitat ġdid.