Pajjiżna hu fost l-aktar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fejn il-produzzjoni tal-ilma hija kkumplikata.
L-ilma tal-vit tagħna huwa taħlita ta’ ilma baħar, li jkun tneħħielu l-melħ u l-impuritajiet permezz tas-sistema tar-reverse osmosis, u ilma tal-pjan.
Din it-taħlita hija mmonitorjata kontinwament sabiex ikun żgurat li l-kwalità tal-ilma tkun dejjem skont kif indikat fid-direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-ilma tax-xorb.
Mod kif il-Korporazzjoni ilha 50 sena tippurifika l-ilma huwa permezz tal-użu tal-chlorine, li jservi biex jiddiżinfetta l-ilma, iżda li kultant iħallih b’togħma u riħa partikolari.
Iżda issa, proġett li qed isir bi sħab bejn il-Korporazzjoni tal-Ilma u l-Universita ta’ Malta, bis-saħħa ta’ skemi Ewropej, se jkun qed ifittex teknoloġiji ġodda u innovattivi biex inaqqas konsiderevolment l-użu ta’ din il-kimika. Dan ukoll sabiex il-konsumatur ma jibqax bil-perċezzjoni żbaljata li l-ilma tal-vit mhux tajjeb għax-xorb filwaqt li jitjieb fit-togħma u r-riħa.
Il-proġett, bl-isem ta’ Purilma se jkun qed jagħżel tliet tipi ta’ teknoloġiji differenti ta’ dan it-tip. It-teknoloġiji l-ġodda se jkunu studjati biex finalment tintagħżel l-aktar waħda li tidher li hi effiċjenti biex tintuża fi proġett pilota, biex eventwalment, jekk tinstab li hija effettiva, tibda tintuża fuq skala Nazzjonali għall-produzzjoni ta’ ilma itjeb minn dak li qed jiġi prodott fil-preżent.
//= $special ?>