Lokali Parlament

Ministri jevitaw il-mistoqsijiet parlamentari; assenti fil-parlament b’intenzjoni

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar ressaq oġġezzjoni fil-parlament għall-fatt li b’mod ripetut il-ministri tal-Gvern qed ikunu assenti fil-ħin tal-parlament; fosthom u fuq quddiem il-Ministru Ian Borg.

Dan kien it-tieni jum li fih l-Oppożizzjoni ressqet ilment dwar in-nuqqas tal-ministri Laburisti fil-ħin tal-mistoqsijietfil-parlament.

Fis-sessjoni tal-lum il-whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li dan qed isir b’intenzjoni u sostna li l-Ministru Ian Borg ma kienx qed jattendi fil-parlament biex iwieġeb dwar l-isfreġji ambjentali li qed iseħħu kuljum fil-pajjiż.

Il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield qal li hi regola li meta ministru jkun fuq xogħol tal-Gvern u ma jkunx jista’ jattendi l-parlament, il-mistoqsijiet parlamentari jiġu mwieġba minn ministri oħra.

Għal mistoqsija dwar fejn huma l-Ministri Owen Bonnici, Clyde Caruana u Michael Farrugia u jekk dawn humiex impenjati fuq xogħol tal-Gvern, il-Whip Laburista irrimarka billi staqsa fejn kien id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li f’ismu saret il-mistoqsija mill-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutrajar.

Din tal-mistħija; dan hu l-ikbar kabinet fl-istorja!, irrimarka Robert Cutajar. Il-Ministru Owen Bonnici qal li kien wasal tard il-parlament minħabba li kien waqaf iwieġeb mistoqsijiet ta’ ġurnalista ta’ NET TV. Kien il-Ministru Carmelo Abela li wieġeb il-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni fin-nuqqas tal-ministri assenti.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina staqsa fejn kien jinsab il-Ministru Clyde Caruana bil-Ministru Abela jappella għas-serjetà tal-Kamra. F’dan il-mument, id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qam jagħmel il-mistoqsijiet dwar il-prekarjat lill-Ministru tal-Finanzi, li ma kienx fil-Kamra. Kien il-Ministru Abela li reġa’ wieġeb flok il-ministru assenti.

Mistoqsi dwar kif 1,200 ħaddiem barrani jkunu impjegati kontra l-liġi u jitħallew jaħdmu, il-Ministru Abela qal li l-qasam tax-xogħol ingħata spinta kbira ‘l quddiem minkejja l-pandemija.

Hu qal li qed jimmaġina li dawn il-ħaddiema kienu fis-settur tal-ikel; liema sitwazzjoni żviluppat tul il-pandemija. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin għax hemm iktar minn kumpanija waħda li qed tipprovdi dan is-servizz, sostna l-Ministru Abela,