Lokali Qorti

Possibilità ta’ vittma oħra mill-persuni akkużati li ffrodaw anzjana b’mod virtwali

Il-Pulizija għadha għaddejja bl-istħarriġ tagħha fil-każ ta’ ħames persuni, erba’ rġiel u mara mixlijin li ffrodaw anzjana ta’ 72 sena eluf ta’ ewro billi għamluha ta’ suldat Amerikan stazzjonat fl-Afganistan. Kollox jindika li tal-anqas hemm persuna oħra li setgħet kienet vittma oħra b’mod virtwali.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Sarah Zerafa quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech meta bdiet il-kumpilazzjoni kontra Tony Ogbonna Anuforo ta’ 34 sena, Marvis Iyeke ta’ 35 sena, Collins Eguavoen ta’ 29, Sunday Eboh ta’ 39 u Alexandra Pace ta’ 39 sena.

Il-Pulizija qed tallega li dan il-grupp ta’ ħamsa, erba’ rġiel Niġerjani u Maltija inganna lill-mara billi permezz ta’ isem falz u ġiegħlu lill-anzjana tidħol f’ relazzjoni online ma’ suldat fittizju li qalilha li kien se jispiċċa jgħix Malta wara li jispiċċa mis-servizz.

Il-mara emmnet dan kollu u spiċċat ttrasferitlu €58,000 f’sensiela ta’ tranżazzjonijiet bankarji żgħar lil banek lokali.  Il-Pulizija għalqu fuq l-allegati frodaturi wara investigazzjoni li damet għaddejja x-xhur mill-Pulizija tad-distrett ta’ Raħal Ġdid u t-Taqsima tal-Pulizija kontra l-ħasil tal-flus.

Il-ħames persuni  qegħdin jiġu akkużati b’ħasil ta’ flus, serq u profitt mid-dħul mill-kriminalità. Pace qed tiġi akkużata ukoll li għamlet dikjarazzjonijiet foloz u li hija reċediva waqt li Eguavoen qed jiġi akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja fuq każ separat.

L-Ispettur Zerafa xehdet dwar l-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija, l-aktar fuq Pace u fuq kif kienu qegħdin jidħlu diversi kontijiet f’isimh. Meta din ġie mitkellma mill-Pulizija hija qaltilhom li kienet għamlet kuntatt ma’ Amerikan, ċertu Williams li dan kien qalilha fuq Facebook li xtaq jinvesti l-flus f’Malta fin-negozju tal-kostruzzjoni.

Qaltilhom ukoll li saru xi tranżazzjoni bankarji, fosthom f’bank fil-Fgura fejn ġurnata minnhom daħlulha fil-kont s-somma ta’ €4,000 li minnhom ma ħadet xejn.

Ix-xhud qalet li skont l-akkużata qalet li kienet qatgħet il-kuntatt ma’ dan Williams, u li wara xi żmien kienet tkellmet ma’ xi ħadd li kien jafu u qalilha li dan kien se jibgħat is-somma ta’ €4,000 fil-kont tagħha.

L-Ispettur Sarah  Zerafa qalet li skont ma qaltilhom Pace, hija kienet taf li ma kinitx qed tagħmel xi ħaġa tajba u li iżda ma setgħet tagħmel xejn dwar dan peress li l-flus kienu daħlu.

Qaltilhom ukoll li dawn il-flus kienet tathom lil persuna li qalilha li kienet se tirċievi din is-somma u kienet iltaqgħet miegħu u tagħtu l-flus, anke jekk aktar tard qalet lill-Pulizija li kienet ħadet €100 u żammithom għaliha.

L-Ispettur Zerafa qalet li meta Pace kienet mistoqsija kif fetlilha tagħti l-kont bankarju tagħha lil persuna li ma tafhiex, u x’kienet ir-raġuni, kull ma qalet kienet għax kienet temmen li dan kien se jispiċċa biex jgħinha meta jiġi Malta għax hija dejjem xtaqet tixtri dar.

L-Ispettur qalet ukoll li il-banek għamlu wkoll l-verifiki tagħhom fuq il-kontijiet ta’ Pace għaliex l-affarijiet deheru,li ma kienux mexjin sew u kif suppost.

Sadanittant saru diversi  mistoqsijiet mid-difiża fosthom mill-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia li qegħdin jidhru għal Iyeke, fuq il-kontijiet u t-tranżazzjonijiet tal-klijent tagħhom, fejn l-Ispettur qalet li ma kinitx hi li investigat lil Iyeke.

Sadanittant l-Avukat Chris Cilia li qed jidher bħala f’isem il-vittma għamel talba biex ma jixxandarx isimha fuq il-meżżi tax-xandir u dan għal raġunijiet ovvji. Q

al ukoll li din ma tgħoddx biss għall-klijenti tiegħu, imma għall-vittmi oħra potenzjali li jistgħu jersqu ‘l quddiem, u ma jagħmlux dan jekk ikunu konxji li se jissemma’ isimhom. Id-difiża tal-akkużati ma sabu ebda oġġezzjoni għal dan, bil-Qorti tilqa’ t-talba.

Għal Ogbonna Anuforo qegħdin jidhru l-Avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran, għal Pace qed tidher l-Avukat Charmaine Cherrett, l-Avukat Frank Cassar qed jidher għal Eguavoen u l-Avukat Robert Piscopo qed jidher għal Sunday Eboh, li huwa isem familjari f’Malta peress li huwa eks plejer tal-futbol li lagħab għal sensiela ta’ klabbs Maltin matul l-aħħar 20 sena.

Fost it-tims li lgaħab magħhom kienu Marsa, Birkirkara, Floriana, Marsaxlokk, Naxxar u Pembroke. Huwa rtira mill-logħba fl-2020. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Karl Muscat, Sean Xerri de Caro u Abigail Caruana Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur tal-Pulizija Sarah Zerafa mid-distrett ta’ Raħal Ġdid u l-Ispettur Claire Borg mid-dipartiment tar-reati finanzjarji. Il-kumpilazzjoni mistennija tkompli nhar it-Tnejn, 29 ta’ Marzu.