Lokali Qorti

Raġel mixli li ħaraq karozza ta’ gwardjan tal-ħabs jinżamm arrestat

Raġel ta’ 42 sena minn Ħal Qormi nżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo bi ta’ ħruq ta’ karozza ta’ gwardjan fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Tony Zammit li fil-Qorti qal li huwa jaħdem fil-ħobż u li wieġeb mhux ħati għal 12-il akkuża miġjuba kontrih allegatament qabbad karozza Toyota Platz fil-lejl ta’ bejn l-24 u l-25 ta’ Jannar illi għadda għall-ħabta tat-3.00am., fi Triq San Edwardu, Ħal Qormi.

L-Ispetturi tal-Pulizija Wayne Camilleri u Kevin Pulis qalu fil-Qorti li l-Pulizija rnexxielha tidentifika lil Tony Zammit li qabbad il-karozza wara li elevaw numru kbir ta’ filmati ta’ CCTV li jinsabu fl-inħawi.

Fil-Qorti ngħad mill-Prosekuzzjoni li anke wara li raw il-karozza li kienet qed tiġi misjuqa mill-persuna li kkommettiet il-ħruq u anke r-raġel li wettaq dan l-att kien il-fattur li wasslu għall-imputat. L- investigazzjonijiet saru mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri flimkien mal-Pulizija tad-Distrett.

Huwa ġie mixli wkoll li għamel ħsara ta’ aktar minn €2,500 fuq il-karozza u li għamel ħsara fuq karozza oħra fl-ammont ukoll li huwa ta’ aktar minn €2,500.

Ingħad ukoll mill-Ispetturi li nhar it-Tnejn li għadda għall-ħabta tas-1.30pm. Zammit darab Surġent tal-Pulizija waqt li kien qed jiġi arrestat biex jittieħed fl-Għassa ta’ Ħal Qormi, u dan wara li kaxkru għal 25 pied. Dwar dan ir-reat huwa ġie mixli b’attentat ta’ ferita gravi.

Zammit ġie mixli wkoll li attakka u rreżista bi vjolenza lill-Pulizija, b’theddid u li kkaġuna ferita ħafifa fuq l-istess Surġent. Ġie mixli wkoll li kkommetta ħarba sempliċi waqt li kien fil-kustodja tal-Pulizija u li għamel ħsara fuq propjetà tal-korp tal-Pulizija.

Ġie mixli wkoll li li saq karozza b’manjiera perikoluża u li naqas li jħares il-kundizzjonijiet imposti lilu mill-Qorti tal-Maġistrati. Għal Zammit deheru l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia li f’dan l-istadju m’għamlux talba għal libertà proviżorja.

Madankollu huma talbu biex fis-seduta li jmiss il-Prosekuzzjoni ttella’ x-xhieda pajżana kollha biex jagħtu d-depożizzjoni tagħhom, liema talba ġie milqugħa mill-Qorti. L-Avukat Mario Mifsud deher bħala parte-civile fil-każ.