Colin Schembri
Hibernians 99
Gżira Athleta 108
(16-29)(27-22)(27-30)(29-27)
Hibs: M. Vires 32, P. Attard, D. Bugeja 12, L. Farrugia 3, K. Dimech 3,N. Cassar, N. Vasovic 14, A. Axiaq 5, M. Matijevic, L. Tardito 11, M. Attard, I. Demcesen 19.
Gżira Athleta: D. Labossiere 2, D. Parmer 18, F. Mifsud Bonnici 11, L. Stefanovic, S. Galea, N. Xuereb 19, M. Gouder 25, S. Vincic, D. Causwell 33, N. Bukva
Referees: Bernard Vassallo, Malek Hraisha, Kamil Dworniczak
Gżira Athleta kisbu rebħa ferm importanti fil-ġlieda għall-post fil-play-offs meta f’konfront dirett għelbu lil Hibernians f’partita mill-isbaħ. Iż-żewġ timijiet kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom bl-eċċezzjoni ta’ Marco Matijevic li kien biss spettatur fuq il-bank. Kienu Hibs li ħadu l-ewwel vantaġġ minimu wara żewġ baskets minn David Bugeja fl-ewwel attakki tagħhom. Ir-risposta tall-Athleta ssarfet f’run ta’ 10-2 fosthom trippla minn Francesco Mifsud Bonnici biex marru 12-7 minn fuq. Wara lil Mason Vives u Anton Axiaq naqqsu d-distakk għall-Pawlisti, Athleta kellhom run oħra din id-darba ta’ 13-0 b’diversi punti fosthom trippla minn Matthew Gouder. Għalkemm Hibs ġew lura bi trippla ta’ Keith Dimech, fi tmiem l-ewwel sessjoni Athleta kienu 29-16 minn fuq. Il-ftuħ tat-tieni taqsima kien karatteriżżat minn sensiela ta’ punti fuq kull naħa biex Athleta żammew il-vantaġġ. Wara, t-team ta’ Peter Farrugia kellhom run ta’ 10-0 li tathom vantaġġ massimu ta’ 20 punt 47-27 bl-Amerikani Dylan Causwell u Dedrain Parmer jaqsmu l-punti bejniethom. Issa kien imiss lil Hibs iwettqu reazzjoni u rnexxielhom jagħmlu dan b’run ta’ 16-4 bil-punti ta’ Vires, Luca Tardito u trippla ta’ Nikola Vasovci u naqqsu d-distakk għal 8 punti 43-51.
Wara l-intervall, l-andament tal-partita kompla fuq l-istess binarju biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin. Hibs kellhom tlett three pointers minn Vires u Vasovic u waslu sa’ 3 punti ‘l bogħod 62-65. Trippla ta’ Causwell flimkien ma Parmer u Gouder taw ftit tan-nifs lill-Athleta li sa’ tmiem il-perjodu reġgħu fetħu vantaġġ b’figuri doppji 81-70. Athleta bdew l-aħħar taqsima b’run ta’ 11-3 bejn Parmer u Mifsud Bonnici qabel ma kien hemm ukoll trippla fuq kull naħa minn Vasovic u Gouder. Athleta għaqqdu l-mitt punt permezz ta’ Causwell u għalkemm Hibs komplew jitħabtu, Athleta kienu pronti bir-risposti tagħhom biex finalment ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 108-99.
Bupa Luxol 75
Depiro 78
(22-21)(12-24)(21-15)(20-18)
Bupa Luxol: J. Cefai, K. Gauchi, P. Engelbert, N. Buhagiar, E. Caruana Montaldo, JP Schembri 11, L. Trapani, K. Elder 35, O. Sangare 4, A. Arrington 20, S. Cappello 9.
Depiro: T.J. Atwood 26, C. Thomas 12, M. Debattista, A. Attard 2, N. Grech 8. K. Caruana 14, M. Bricat 6, M. Mallia. A.Chomo, L.Vella.
Referees: Vladimir Nikolic, Ivica Simic, Kamil Dworniczak
Depiro kisbu t-tielet rebħa tal-kampjonat meta f’partita kumbattuta għelbu lil Bupa Luxol 78-75 biex pattew għat-telfa tal-ewwel round kontra l-istess avversarji. Luxol kellhom bidu tajjeb mill-Amerikan Kyree Elder li għamel 10 mill-ewwel 12 -il punt tagħhom b’żewġ trippli u deher li se jpatti għall-wirjiet kwieti li kellhu fl-aħħar ħarġiet tiegħu. Depiro kellhom risposta bit-trippli ta’ Kieron Caruana u Nicholas Grech biex marru punt minn fuq 15-14. Luxol reġgħu marru fuq quddiem bil-punti ta’ Stefan Cappello u Arsenio Arrington u żamewh sa’ tmiem it-taqsima 22-21. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni kien hemm run ta’ 12-2 minn Depiro bi trippla oħra ta’ Caruana flimkien mal-Amerikani TJ Atwood u Cliff Thomas. Wara time-out mill-coach Duncan Fenech, Luxol irrispondew fosthom bi trippla ta’ Jean Paul Schembri però Depiro wkoll kellhom it-three pointers tagħhom minn Miguel Mallia u Miguel Brincat biex daħlu jistrieħu 11 minn fuq 45-34.
Wara l-intervall Depiro żammew il-vantaġġ tagħhom bil-punti ta’ Atwood u trippla oħra ta’ Mallia. Luxol ġew lura b’run ta’ 14-4 minn Arrington Elder li kellhu wkoll trippla biex waslu sa’ basket ‘l bogħod. Qabel intemmet is-sessjoni, Depiro kellhom il-punti minn Atwood biex ħadu magħhom għall-aħħar taqsima vantaġġ ta’ 5 punti 60-55. Luxol irnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs 67-67 wara bidu tajjeb minn Elder flimkien ma’ Cappello u Schembri. Depiro wieġbu bi trippla ta’ Brincat però Luxol għamlu seba’ punti mingħajr risposta biex marru fuq quddiem 74-70. L-aħħar battuti tal-logħba kienu eċitanti hekk kif l-ewwel kien Atwood li għamel l-iskor indaqs u Andy Attard poġġa lil Depiro fuq quddiem fl-aħħar ftit sekondi. Elder għamel free-throw minn tnejn u fl-attakk ta’ wara Atwood ikkonkluda tajjeb biex Depiro ħarġu rebbieħa 78-75.
Mellieħa Libertas Spalding 49
Starlites GIG 101
(22-21)(12-24)(21-15)(20-18)
Mellieħa Libertas Spalding: A. Schembri, M. Falzon 6, D. Camilleri 2, M. Fabri 3, I. Bonett 8, M. Gauchi Montaldo, K. Skrabec 2, J. Brooks 14, M. Azzopardi 14.
Starlites GIG: A. Felice Pace 14, J. Zammit 8, R. Bonnici 12, I. Felice Pace 6, M. Formosa, M. Scerri 6, B. Jefferson 24, T. McConico 22, R. Ahearn 9.
Referees: Ivica Simic, Kamil Dworniczak, Malek Hraisha
Starlites GIG ma kellhomx diffikulta biex jiksbu s-sitt rebħa tal-kampjonat u jsaħħu posthom f’ras il-klassifika meta għelbu lill Mellieħa Libertas 101-49. Mellieħa kienu milquta bin-nuqqas ta’ tnejn mill-aħjar pedini tagħhom is-Serb Vukassin Jandric u Peter Shoults. Wieħed irid ukoll jistaqsi kemm l-atteġjament tal-coach tagħhom qiegħed ikun utli waqt il-logħba speċjalment fil-konfront tad-diversi players żgħażagħ li għandu. Sa’ mill-ewwel ħinijet, Starlites marru fuq quddiem bil-punti ta’ Alec Felice Pace u Travis McConico. Mellieħa kellhom risposta bi trippla ta’ Mirko Azzopardi flimkien ma’ Julius Brooks u Miguel Falzon. Hawn Starlites għamlu run qawwija ta’ 20-2 b’diversi punti minn Bryan Jefferson, McConico b’żewġ trippli flimkien ma’ Jack Zammit u Matthew Scerri. Sat-tmiem l-ewwel sessjoni, Starlites kienu diġa 20 minn fuq 31-21 u komplew ikabbru d-distakk fit-tieni taqsima meta għamlu run oħra ta’ 15-3 b’aktar three pointers minn Felice Pace u McConico u daħlu jistrieħu 57-24 minn fuq.
It-tielet taqsima fetħet bi trippla ta’ Azzopardi għal Mellieħa, però Starlites ikkonfermaw is-superjorita tagħhom b’run ta’ 22-0 fejn kienu diversi players li għamlu l-punti grazzi wkoll għall-bidliet tal-coach Paul Ferrante. Is-sessjoni għalqet bl-aħħar punti ta’ Scerri u McConico għal skor ta’ 83-31. Ftit kien għad fadal storja fl-aħħar taqsima għalkemm Mellieħa tħabtu biex jagħmlu l-iskor aktar rispettabli u kellhom it-trippli minn Bonett, Azzopardi u Miguel Fabri. Starlites kisbu l-aħħar basket minn Felice Pace li għaqqdilhom il-mitt punt hekk kif rebħu l-partita 101-49.
//= $special ?>