Lokali Qorti

Vince Muscat jirtira l-appell ta’ qabel il-proċess fil-każ ta’ qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Vince Muscat, wieħed minn tliet irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, irtira l-appell tiegħu minn deċiżjoni tal-Qorti kriminali li ċaħdet 118-il eċċezzjoni mqajma mill-akkużat.

L-appell kien mistenni jinstema dalgħodu iżda Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, avża lill-Qorti li kien qed jirtira l-appell tiegħu. Din il-mossa sorpriża tfisser li Muscat mhux lest li jisfida l-Prosekuzzjoni fil-każ kontrih.

Fid-dawl tal-iżvilupp, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Joseph Zammit McKeon u Giovanni Grixti posponew is-seduta għal April. Muscat, George Degiorgio u ħuh Alfred Degiorgio, huma akkużati li wettqu l-qtil billi poġġew u splodew il-bomba li qatlet lil Caruana Galizia f’Ottubru 2017.

F’Ottubru li għadda, il-Qorti kriminali kienet ċaħdet il-118-il eċċezzjoni li qajjmu t-tliet irġiel fil-każ kontrihom. Muscat kien talab maħfra presidenzjali iżda din ġiet miċħuda mill-Kabinett aktar kmieni din is-sena.

Fil-bidu tas-seduta l-Imħallef Grixti qara digriet li kien jgħid. “Il-Qorti, wara li rat l-applikazzjoni ta’ Vincent Muscat tal-15 ta’ Frar, u t-tweġibiet tal-Avukat Ġenerali u Vince Muscat, tilqa’ ż-żewġ talbiet magħmula u tordna li l-atti jintbagħtu lill-Qorti Kriminali biex tiddisponi mit-talbiet magħmula. ”

Il-Qorti qalet li fid-dawl tad-digriet mogħti mhix f’pożizzjoni li tkompli tisma’ l-appell iżda xorta qed tpoġġih għal kontinwazzjoni għat-28 ta’ April fl-10am. L-Avukat Marc Sant qed jidher għal Vince Muscat filwaqt li l-Avukat William Cuschieri li qed jirrappreżenta lill-aħwa Degiorgio kien ukoll preżenti fl-awla.