Lokali

Abela jibqa’ ma jieħux azzjoni dwar Rosianne Cutajar

Jum wara l-ieħor u l-Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ jonqos milli jiehu azzjoni dwar l-iskandlu ta’ Rosianne Cutajar… liema skandlu inkixef mis-Sunday Times of Malta meta urew kif is-Segretarju Parlamentari kienet ħadet €9,000 fi flus kontanti, mogħtija lilha mill-imprenditur Yorgen Fenech.

Net News reġa’ staqsa lil Abela jekk hux se jkun qed jieħu azzjoni dwar dan kollu iżda baqa’ jinsisti li se jistenna li jkun konkluż ir-rapport tal-Kummissarju Hyzler. Fi kliem sempliċi – qed jagħżel li jibqa’ jistenna.

U dan minkejja li dawn mhumiex sempliċiment allegazzjonijiet hekk kif joħorġu provi mid-Dikjarazzjoni tal-Assi; liema dikjarazzjoni għall-2019 fl-ebda mument ma ssemmi dawn id-€9,000. B’Robert Abela jagħżel li jinjora dan kollu.

Lura f’Diċembru tas-sena l-oħra, kien ġie żvelat kif Rosianne Cutajar issieħbet mal-ħabib tagħha Charles Farrugia, magħruf bħala it-Tikka, biex jinnegozjaw ftehim dwar proprjetà ta’ €3.1 miljun bejn Yorgen Fenech u l-bejjiegħ tal-istess proprjetà, Joseph Camilleri.

Rosianne Cutajar qed tibqa’ ma tiċħadx l-istejjer dwar il-flus li allegatament daħlet minn deal li ried jagħmel in-negozjant Yorgen Fenech fuq propjetà fl-Imdina. U qed tirrepeti biss li hi qatt ma għamlet negozju ma’ Fenech – sitwazzjoni li ġabet qasma kbira fil-Grupp Parlamentari Laburista.

Intant, meta l-Prim Ministru l-Ħamis filgħodu ġie mistoqsi dwar il-wage supplement tal-COVID, bit-tweġiba tiegħu ikkonferma li il-Gvern għadu bla pjan dwar x’għajnuna se jkun qed joffri lill-ħaddiema u lin-negozji quddiem l-isfidi ekonomiċi kkawżati mill-pandemija.