Internazzjonali

Belarus: Ġurnalisti jeħlu l-ħabs talli ġibdu filmati tal- protesti

Qorti lokali ikkundannat lil żewġ ġurnalisti ma’ stazzjon televiżiv Pollakk għal sentejn ħabs fuq akkużi li huma xprunaw il-protesti fil-pajjiż. L-akkuża prinċipali kienet  tinvolvi l-ġbid ta’ filmat ta’ rally kontra l-President tal-Belarus Alexander Lukashenko li ilu fil-poter mill-1994.

Il-ġurnalisti, Katerina Andreyev u Daria Chultsova, f’Novembru li għadda, kienu arrestati f’appartament fil-kapitali Minsk waqt li huma kienu qed imexxu live-stream ta’ protesta mhix awtorizzata kontra l-Gvern fuq il-media soċjali.

Andreyev u Chultsova huma impjegati mal-Belsat TV, bil-kelliema tal-istazzjon jiċħdu li l-filmati ta’ dik id-dimostrazzjoni kienu ‘ħarbtu s-servizzi tat-trasport pubbliku’ f’Minsk. Fl-aħħar xhur saru protesti tal-massa madwar il-Belarus wara li Lukashenko iddikjara rebħa fl-elezzjoni presidenzjali ta’ Awwissu u li diversi pajjiżi madwar l-Ewropa kkundannawha bħala proċess imbagħbas.