Internazzjonali

COVID-19: Il-provvista tal-vaċċin tal-Pfizer lill-UE uriet nuqqas ta’ 10 miljun doża ‘mill-pjan oriġinali’

Il-kumpanija Pfizer Inc, għadha ma wasslitx madwar 10 miljun doża tal-vaċċin għal kontra l-coronavirus lill-Unjoni Ewropea u li suppost kellhom jaslu f’Diċembru. Dan qaluh l-uffiċjali tal-UE, fost indikazzjonijiet li l-Unjoni għandha terz anqas tad-dożi li kienet qed tistenna mingħand din il-kumpanija Amerikana għall-farmaċewtika.

In-nuqqas ifisser daqqa ta’ ħarta oħra lill-UE, meta l-pajjiżi tal-Unjoni qed ibatu l-konsegwenzi tad-dawmien fid-distribuzzjoni tal-vaċċini għal kontra l-Covid-19 li qed jipproduċu l-AstraZeneca Plc ( tar-Renju Unit) u Moderna Inc ( tal-Isatti Uniti). Intant l-Unjoni, aktar qabel, kellha wkoll tiffaċċja l-problemi assoċjati mad-dawmien fil-provvista tal-vaċċini tal-Pfizer.

Is-sitwazzjoni qed tkompli tqajjem it-tħassib dwar l-istrateġija – jew skema – tal-Unjoni Ewropa għall-kontrolli tal-esportazzjoni tal-vaċċini, bil-għan li d-dożi jaslu fil-ħin u skont il-programm imħejji minn qabel. Id-distribuzzjoni tal-vaċċini, sadanittant, kompliet taqa’ lura f’numru ta’ pajjiżi Ewropej u meta qed jispikkaw aktar nuqqasijiet fil-provvista.

Din il-ġimgħa, Pfizer wasslet lill-UE madwar 4.8 miljun doża tal-vaċċin għal kontra l-Covid-19 li din il-kumpanija żviluppat mal-kumpanija (sieħba) Ġermaniża BioNTech. Intant, dan l-ammont hu ‘madwar għaxar miljun doża anqas’ mill-ammont li l-Pfizer kienet wieħget li tissupplixxi lill-Ewropa mill-bidu tar-rollout (produzzjoni u distrubuzzjoni) fl-aħħar tas-sena li għaddiet.

Uffiċjali tal-UE, filwaqt li konfermaw in-nuqqasijiet, qalu  li l-kumpaniji inkwistjoni impenjaw ruħhom biex iwasslu dawn id-dożi sal-aħħar ta’ Marzu. Dan waqt li l-kelliema għal Pfizer huma lesti biex jgħidu biss li l-iskeda għall-proċessi tad-distribuzzjoni tal-vaċċini tinvolvi informazzjoni kunfidenzjali.