Lokali

“Favur li jiġu kkunsidrati mezzi kif jiġi ddekriminalizzat il-pussess tal-kannabis għall-użu personali b’mod responsabbli” – PN

Il-Partit Nazzjonalista huwa favur li jiġu kkunsidrati mezzi kif jiġi dekriminalizzat il-pussess tal-kannabis għall-użu personali b’mod responsabbli.

L-Oppożizzjoni ħadet din il-pożizzjoni b’mod naturali wara l-pożizzjoni li diġà addotta l-Partit Nazzjonalista, lura fl-2015, meta vvota favur emendi fil-Kodiċi Kriminali.

Fi stqarrija maħruġa l-Ħamis filgħaxija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li qed iħares ‘il quddiem għall-abbozz ta’ liġi li se jressaq il-Gvern fil-Parlament, li jeħtieġ jifforma parti minn pjan nazzjonali li mhux biss jindirizza serjament il-problema dejjem tikber tal-abbuż tad-droga u sustanzi oħra, iżda anki li jkun hemm il-mizuri neċessarji li jipprevjenu l-abbuż.

Meta l-abbozz ta’ liġi jiġi ppubblikat, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħmel ħiltu kollha biex itejjeb u jsaħħaħ il-liġi proposta.