Internazzjonali

Il-Ġorġja: Riżenja tal-Prim Ministru f’sitwazzjoni delikata…

Giorgi Gakharia irriżenja minn Prim Ministru tal-Ġorġja, b’konessjoni ma’ pjani li kellhom iwasslu għall-arrest tal-Kap tal-Oppożizzjoni fi Tbilisi.

Gakharia, intant, qal li kwalunkwe passi lejn l-arrest għandhom iwasslu lejn ‘eskalazzjoni politika fil-pajjiż’. Hu kompla li d-deċiżjoni tal-qorti biex il-Kap tal-Oppożizzjoni, Nika Melia, jispiċċa arrestat ‘qabel jitressaq għal proċess tal-qorti’ imponiet theddida għall-ħajja taċ-ċittadini f’dan il-pajjiż.

Nika Melia kien akkużat b’li organizza l-vjolenza tal-massa waqt il-protesti li kienu saru kontra l-Gvern fl-2019. Melia qed jiċħad l-akkużi, iżda hemm probabbiltà li hu jeħel disa’ snin ħabs f’każ ta’ kundana mill-qorti.

Il-Ministeru tal-Intern fi Tbilisi qal, intant, li l-arrest ta’ Melia qed ikun ‘pospost għal żmien temporanju’ – u ladarba l-Prim Ministru ħabbar li qed iwarrab mill-kariga.