Lokali Qorti

Illiberati minn theddid b’revolver u feriment b’seratizz minħabba nuqqasijiet tal-Pulizija

Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia illiberat żewġt irġiel li kienu qegħdin jiġu akkużati li heddew, aggredew u darbu serjament raġel. Skont il-Prosekuzzjoni f’dan l-inċident intuża seratizz u revolver, liema armi baqgħu ma nstabux.

Francis Ebejer ta’ 73 sena minn Tas-Sliema u Paul Spagnol ta’ 53 sena minn San Ġwann ma nstabux ħatja li wettqu dawn ir-reati fil-konfront ta’ Mohamed Touarha f’Tas-Sliema, f’każ li jmur lura aktar minn 13-il sena.

Il-Qorti qalet li l-Pulizija setgħet għamlet xogħolha aħjar fosthom l-elevar ta’ kampjuni tad-demm, marki tas-swaba u ttella’ jixhdu ġirien li setgħu għenu f’dan il-proċess.

Il-Qorti qalet ukoll li xhieda ta’ xi persuni li kienu fil-każin jew barra l- każin fejn il-vittma allega li safa imsawwat, ma kienux kredibbli għall-aħħar. Fattur ieħor f’dan il-każ kien li waqt il-proċeduri Mohamed Touarha telaq minn Malta u ma kienx preżenti għall-kontro-eżami tad-difiża.

Sadanittant Ebejer lanqas ma nstab ħati li pponta arma tan-nar lejn Touarha, li kellu fil-pussess tiegħu arma fil-ħin tar-reat u li wettaq reat matul il-ħin operattiv ta’ sentenza sospiża. Spagnol lanqas ma nstab ħati li sar reċidiv.

L-allegat każ kien seħħ fil-25 ta’ Ottubru 2007 għall-ħabta ta’ nofs il-lejl. Dak inhar kien daħal fl-Għassa ta’ tas-Sliema Mohammed Touarha, li kellu ferita fuq moħħu u ammont ta’ demm fuq ħwejjġu.

Tuoarha irrapporta li waqt li kien qed jieħu drink ġewwa s-Sliema Wanderers Supporters Club mar fuqu Francis Ebejer u qallu biex joħroġ barra għax ried ikellmu. Meta ħarġu barra, Ebejer għamillu revolver ma rasu, filwaqt li li Paul Spagnol beda jagħtih b’serratizz fuq rasu.

Huwa rnexxielu jaħrab u mar l-Għassa tal-Pulizija. Tuoahra ittieħed l-isptar, fejn irriżulta miċ-ċertifikat tat-tabib li kellu tliet ġrieħi fondi fuq in-naħa tax-xellug ta’ rasu li jinżlu għal fuq wiċċu, kellu xi tbenġil u grif superfiċjali fuq in-naħa tax-xellug ta’ sidru, kif ukoll ferita superfiċjali f’widintu l-leminija. Pero ma sofra l-ebda ksur ta’ għadam, lanqas f’rasu.

Il-Qorti qalet li l-istqarrijiet tal-imputati ittieħdu fl-2007, fi żmien meta l-liġi Maltija ma kinitx tippermetti li suspett jikkonsulta ma’ avukat qabel l-interrogatorju, u għalhekk fuq diversi sentenzi tal-Qrati Maltin kif ukoll tal-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, dawn l-istqarrijiet kellhom jiġu skartati.

Ebejer iżda għażel joffri d-deposizzjoni tiegħu, u kien assistit mil-Avukat tiegħu u kkonferma l-istqarrija li huwa irrilaxxa lill-Pulizijabil-ġurament. F’dawn iċ-ċirkostanzi, qalet il-Qorti hija ma tistax tiskarta l-istqarrija ta’ Ebejer, għalkemm fit-trattazzjoni d-difiza għamiltha ċara li mhux qed titlob li tiġi skartata.

Fir-rigward ta’ Spagnol, għalkemm dan għażel li ma jixhidx, fit-trattazzjoni l-Avukat difensur tiegħu ghamilha ċara li mhux se jitlob l-isfilz tal-istqarrija, għax bħal fil-każ ta’ Ebejer, l-istqarrijiet li huma rrilaxxaw bl-ebda mod ma jinkriminawhom.  

Il-Qorti qalet li lanqas skartat ix-xhieda tal-parte civile u tenniet li meta xehed Touarha, id-difiża għazlet li tirriżerva l-kontro-ezamijiet. Jirriżulta li Touarha telaq minn Malta waqt li l-proċeduri kienu għaddejin, u għalkemm saru diversi tentattivi mill-Prosekuzzjoni biex jinstab, u dan sabiex jixhed fil-kontro-eżami, dawn kienu kollha inutli.

Meta xehed Touarha qal li waqt li kien qiegħed fis-Sliema Wanderers Supporters Club, Ebejer li kien fl-istess każin qallu biex joħroġ barra, u kellmu fuq inċident ta’ xi jiem qabel fejn Touarha, li kien qed jieħu ħsieb il-Balluta Band Club minflok sid il-bar, ċertu Joe Debono, ma kienx ħalla lil Spagnol jidhol fl-istess każin.

Skond Touarha dan għamlu għax Debono kien keċċa lil Spagnol mill-każin għax kien ittanta tfajla taħt l-età.  Skond Touarha, Ebejer ħareġ revolver u ippuntah lejh, u Spagnol ħareġ mis-Sliema Wanderers Supporters Club, mar fil-vann minn fejn ġab serratizz u beda jagħtih bih fuq rasu, kif ukoll gidimlu widnejh.

Ebejer ammetta li hu talab lill-allegat vittma joħroġ barra l-każin, in-naħa ta’ Triq Sant’Elena, għax jgħid li ried jipprova jirranġa r-relazzjoni bejn l-Spagnol u Touarha. Qal li wara li kellmu bil-kwiet, huma reġgħu daħlu ġewwa fil-każin, u Touarha xtralu drink.

Huwa innega li ghamel arma mal-vittma, sakemm Spagnol sawwtu b’serratizz. Ebejer qal li ma kienx preżenti meta Tuoahra ġarrab il-ġrieħi, u sar jaf bihom meta ġie arrestat mill-Pulizija mid-dar tiegħu. Qal ukoll li lil Spagnol kien rah ftit qabel fil-parapett tal-każin.

Fl-istqarrija tiegħu Spagnol ċaħad li kien fil-parapett tas-Sliema Supporters Club, għalkemm ammetta li għadda minn quddiemu għall-ħabta tas-7.00pm, pero qal li ma waqafx.

Huwa ċaħad li kellu xi jghid ma’ Tuoahra dwar id-dħul tieghu fil-Balluta Band Club, pero ammetta li kien ilu ma jmur hemm xi xahrejn, iżda li dan għamlu min rajh u mhux għax ġie mkeċċi.  Huwa nnega l-allegazzjonijiet kollha li Tuoahra għamel fuqu.

Luke Calleja xehed li għalkemm fil-lejl in kwistjoni hu kien qiegħed fis-Sliema Wanderers Supporters Club, hu ma ra u sema’ xejn. Qal li dak in-nhar ma rax lil Spagnol, pero Ebejer kien fil-każin.

Qal li l-barman talbu joħroġ mill-każin għax ried jgħalaq, u hu u ħiereġ ra lill-Pulizija ġejjin. Niki Pace xehed li fil-lejl in kwistjoni kien qiegħed ukoll fis-Sliema Wanderers Supporters Club. Tenna li Ebejer u Tuoahra kienu hemm ukoll.

Dan ix-xhud ukoll qal li ma sema’ xejn waqt li kien fil-każin. Tenna wkoll li ħareġ mill-każin ma’ Luke Calleja, pero ma rax Pulizija. Sostna li dak in-nhar ma rax lil Spagnol ħdejn jew fil-każin.

Joseph Debono xehed li qabel hu kien jieħu ħsieb il-bar tal-Każin tal-Karmnu, f’Tas-Sliema. Qal li ġieli kien jallarga ftit u jħalli l-bar f’idejn Touarha. Qal li Touarha kien qallu li kellu xi kwistjoni ma’ l-imputati, pero hu xehed li qatt ma kellu kwistjoni magħhom, u caħad li qatt kecca lil Spagnol mill-bar tal-każin.

Pero ammetta li kellu argument ma’ Spagnol fuq min minnhom kellu l-iktar karozza li tiġri. L-Uffiċjal tal-Pulizija Fabian Fleri xehed li wara li  Tuoahra għamel rapport l-Għassa, huwa niżel fuq il-post tal-inċident fejn quddiem Triq Sant’Elena Sliema, sab dmija ma l-art u fuq karozza pparkjata. u quddiem l-istess fond innota marki ta’ l-idejn u dmija wkoll.

Minn hemm mar fir-residenza ta’ Ebejer, li joqghod fl-istess triq. Għalkemm saret tfittxija fid-dar u fil-karozza tiegħu, dan irriżulta fin-negattiv.

Il-Qorti qalet li hija konvinta, li Luke Calleja u Niki Pace ma xehdux il-verità jew ma qalux il-verità kollha. Qalet ukoll li lanqas issib lix-xhud Joseph Debono tant kredibbli peress li l-ewwel jgħid li ma kellu xi jgħid ma ħadd mill-imputati, pero wara qal li kellu argument ma’ Spagnol dwar min minnhom kellu l-iktar karozza tiġri – argument purament tat-tfal, u mhux ta’ żewġ irġiel maturi.

Certament qalet il-Qorti, mill-provi miġjuba jidher li l-inċident seħħ quddiem is-Sliema Supporters Club. Pero għalkemm jirriżulta li kien hemm demm fit-triq u anke marki ta’ swaba u demm fuq vettura ipparkjata fil-vicinanzi, l-Prosekuzzjoni ma deherlix li kellha televa kampjuni tad-demm, kif ukoll il-marki ta’ swaba a fini ta’ paraguni.

Il-Prosekuzzjoni lanqas tellgħet lill-barman tas-Sliema Wanderers Supporters Club jixhed, għalkemm skond ix-xhud Luke Calleja għal xi raġuni talab lill-klijenti li kellu joħorġu għaliex ried jgħalaq il-każin, u dan ftit minuti qabel ma waslu l-Pulizija.

Dan il-barman seta’ wkoll jindika persuni oħra li kienu fil-bar fil-ħin tal-inċident. Lanqas ma jirriżulta li l-Prosekuzzjoni kellmet lil ġirien li joqghodu biswit jew faċċata tal-każin biex tivverifika jew rawx jew semgħux xi ħaġa.

L-unika persuna, apparti Tuoahra, li qal li ra lil Spagnol fil-parapett tal-każin, hu Ebejer u lil Pulizija qallu saħansitra li rah jixrob fil-każin ma’ Tuoahra.

Pero, skond il-liġi, meta fi proċeduri bħal dawn, ikun hemm żewġ ko-imputati, ix-xhieda jew kull dikjarazzjoni oħra magħmula minn ko-imputat wieħed mhux ammissibbli fil-konfront tal-ko-imputat l-ieħor, kemm jekk din ix-xhieda tkun favur u kemm jekk tkun kontra l-ieħor.

Għalhekk dak li kellha quddiemha l-Qorti bħala provi hija x-xhieda ta’ Tuoahra kontra x-xhieda ta’ Ebejer u Spagnol. Rilevanti huwa wkoll il-fatt, li għalkemm il-Pulizija arrestat lil Ebejer ftit minuti wara r-rapport, ma jidher li nstab xejn – lanqas fuq ħwejjġu jew ġismu.

Spagnol ġie arrestat iktar tard, għall-ħabta tat-3.00pm – għaliex meta marru l-Pulizija jħabbtu l-bieb ma fetaħx, għax qal li kien rieqed u ma semagħhomx.

Irrispettivament jekk il-Qorti temminx lil Spagnol li vera kien rieqed, jibqa’ l-fatt li l-Pulizija ma sabu xejn li jista’ jinkriminah. L-unika ħaġa li tirriżulta mill-provi hi l-imputat Spagnol u l-parte civile kellhom xi forma ta’ diżgwid bejniethom qabel dan l-inċident.

Għalhekk il-Qorti ma tistax teskludi li l-parte civile ma kellux xi motiv jakkuża lil Spagnol bil-feriti li soffra.  Il-Pulizija qalet li l-allegat vittma ma nfurmahmx li kien se jitlaq minn Malta jew kif b’xi mod jikkuntattjawh, jekk ikollhom bżonnu, u sabiex jinfurmawh bl-eżitu ta’ dawn il-proċeduri.

Ghalhekk jidher li minkejja l-ġrieħi ta’ natura gravi li sofra, il-parte civile ma baqax aktar interessat f’dawn il-prożeduri. Minkejja li ma kellux l-obbligu li jibqa’ Malta pendenti dawn il-proċeduri, l-fatt li ma kienx Malta għat-tkomplija f’dawn il-proċeduri timmina kontra l-kredibilità tax-xhieda tiegġu.

Il-Qorti qalet li hija tal-fehma li l-Prosekuzzjoni ma rnexxiliex tipprova l-akkużi kontra ż-żewġ imputati lill’hinn minn kull dubbju dettat mir-raġuni u għalhekk ġew illiberati. L-Assistent Kummissarju Stephen Gatt mexxa l-Prosekuzjoni filwaqt li għall-akkużati deher l-Avukat Arthur Azzopardi.