Lokali Qorti

L-avukati tal-uffiċċju tal-AĠ mit-Tnejn mhux se jattendu għall-każi tal-Qorti tal-Appell Kriminali

Ritratt: Martin Agius
Il-UĦM Voice of the Workers se tħarrax l-azzjonijiet indurstrijali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali wara li l-Gvern injora t-talbiet għall-kundizzjonijiet xierqa u dinjitużi

Wara li l-Gvern injora għalkollox it-talba tal-professjonisti fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għal kundizzjonijiet xierqa u dinjitużi għal xogħlhom, il-UĦM Voice of the Workers ħabbret li se jiħraxu l-azzjonijiet industrijali li kienu diġà fis-seħħ mill-14 ta’ Jannar b’sett ta’ direttivi ġodda.

Mad-direttivi li huma u se jibqgħu attivi, b’seħħ minn nhar it-Tnejn 22 ta’ Frar, l-avukati u l-prokuraturi legali mhux se jkunu qed jidhru u mhux se jattendu għas-smigħ tal-każi fil-Qorti tal-Appell Kriminali (Sede Inferjuri), iżda ma tapplikax għal dawk l-appelli intavolati mill-Avukat Ġenerali.

Minħabba li qatt ma kienu koperti b’xi ftehim kollettiv, u anke fl-isfond ta’ riforma mitluba mill-Kummissjoni Venezja, il-UĦM, li rebħet l-għarfien uffiċjali ta’ dawn il-professjonisti f’Settembru 2020, talbet li jibdew taħditiet fuq ftehim kollettiv b’pakkett finanzjarju li jirrifletti dan is-suq.

Ritratt: Martin Agius

Madankollu, fi stqarrija maħruġa l-Ħamis filgħaxija, il-UĦM qalet li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali rrifjuta li jibdew dawn it-taħditiet u kien għalhekk li fil-bidu ta’ Diċembru, il-union irreġistrat tilwima industrijali.

Il-UĦM fakkret li huwa dritt sagrosant illi tinnegozja f’isem ilmembri u jekk dan jibqa’ ma jseħħx, l-Avukat Ġenerali tkun qiegħda tonqos mir-responsabbiltajiet tagħha hekk imniżżla skont il-liġijiet ta’ Malta.

Dan kollu saħansitra qed iwassal għal eżodu mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għaliex aktar professjonisti jitilqu u jissieħbu fis-settur privat, tant li fl-aħħar sena biss, telqu tmien avukati, tlieta minnhom fl-aħħar xahrejn.

“Fl-istess waqt li qed idaħħal fis-seħħ ir-rakomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, il-Gvern qed iżarma l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li hu kruċjali biex ikun hawn is-saltna tad-dritt u l-ġustizzja fil-pajjiż.”

Il-UĦM temmet twissi li jekk il-Gvern se jkompli jinjora t-talbiet tal-avukati u l-prokuraturi legali f’din l-istituzzjoni, lesta terġa’ tkompli tħarrax l-azzjonijiet industrijali

Ritratt: Martin Agius