Futbol Sport

Manchester United u Tottenham b’sieq waħda fil-fażi li jmiss

(Ritratt: EPA)

Manchester United jinsabu b’sieq waħda fir-round tal-aħħar 16 tal-UEFA Europa League hekk kif barra minn darhom għelbu lil Real Sociedad 4-0. BRUNO FERNANDES skorja darbtejn fis-27 u fis-57 minuta biex MARCUS RASHFORD għamilhom 3-0. Lejn it-tmiem, DANIEL JAMES kompla jkabbar ir-riżultat għar-Red Devils hekk kif għamel l-iskor finali 4-0.

Milan kisbu draw ta’ 2-2 barra minn darhom kontra Crvena Zvezda. Milan marru fil-vantaġġ tliet minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ awto-gowl ta’ RADOVAN PANKOV. Fit-tieni taqsima, Crvena Zvezda ġabu d-draw fit-52 minuta permezz ta’ penalty ta’ GUELOR KANGA. Fil-61 minuta, THEO HERNANDEZ reġa tefa’ lil Milan fil-vantaġġ permezz ta’ penalty. Fis-77 minuti t-tim Serb safa’ jilgħab b’għaxar plejers meta Milan Rodic intwera’ t-tieni karta safra. Minkejja dan, fit-93 minuta rnexxielhom iġibu l-iskor indaqs permezz ta’ MILAN PAVKOV.

Arsenal u Benfica temmew fi draw ta’ 1-1 f’partita li ntlagħbet fi Stadio Olimpico bħal partiti kollha li fihom kienu nvoluti t-timjiet Ingliżi minħabba r-restrizzjonijiet b’rabta mal-pandemija tal-coronavirus. Benfica fetħu l-iskor fil-55 minuta permezz ta’ penalty ta’ PIZZI. Arsenal irreaġixxew mal-ewwel u ġabu l-iskor indaqs żewġ minuti wara permezz ta’ BUKAYO SAKA.

Tottenham bħal Manchester United ukoll kisbu rebħa kbira ta’ 4-1 barra minn darhom kontra Wolfsberger. HEUNG-MIN SON fetaħ l-iskor wara 13-il minuta, b’GARETH BALE jirdoppja fit-28 minuta. LUCAS MOURA għamel l-iskor 3-0 fl-24 minuta. Wolfsberger naqsu l-iskor fil-55 minuta permezz ta’ penalty biex fit-88 minuta VINICIUS għamel l-iskor 4-1.

Roma kisbu rebħa importanti ta’ 2-0 barra minn darhom kontra Braga. EDIN DZEKO fetaħ l-iskor għal Roma wara biss ħames minuti. Fl-54 minuta, Braga sfaw jilgħabu b’għaxar plejer meta tkeċċa Ricardo Esagio biex fis-86 minuta, Roma approfittaw minn dan u għamluhom 2-0 permezz ta’ BORJA MAYORAL.

Napoli qed jirriskjaw li jkunu eliminati hekk kif tilfu 2-0 kontra Granada, bit-tim ta’ Gennaro Gattuso jkolli bosta elimenti neqsin. YANGEL HERRERA fetaħ l-iskor wara 19-il minuta, b’KENEDY jagħmel l-iskor 2-0 żewġ minuti wara.

UEFA EUROPA LEAGUE
ROUND TAL-AĦĦAR 32: Illum: D. Kyiv v C. Brugge 1-1, Krasnodar v D. Zagreb 2-3, C. Zvezda v Milan 2-2, Olympiacos v PSV 4-2, R. Sociedad v Man Utd 0-4, Braga v Roma 0-2, S. Prague v Leicester 0-0, Wolfsberger v Tottenham 1-4, Y. Boys v B. Leverkusen 4-3, Benfica v Arsenal 1-1, Granada v Napoli 2-0, Lille v Ajax 1-2, M. Tel Aviv v S. Donetsk 0-2, Molde v Hoffenheim 3-3, R. Antwerp v Rangers 3-4, Salzburg v Villareal 0-2