Lokali Qorti

Mixli fuq negozju ta’ armi u munizzjon jingħata l-libertà proviżorja

Raġel ta’ 35 sena minn Ħal Qormi ngħata l-libertà proviżorja wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li kien involut f’negozju ta’ armi u munizzjon.

Huwa ġie mixli li xtara l-munizzjon mingħand raġel ieħor f’Ħal Qormi stess u li  xtara żewġ kaxxi li jintużaw għal ‘hand-gun.” Ir-reat seħħ nhar il-Ġimgħa, 12 ta’ Frar għall-ħabta tat-3.00pm meta ltaqa’ ma’ raġel ta’ 47 sena, residenti Baħar iċ-Ċagħaq.

Dan tressaq il-Qorti nhar it-Tnejn quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras u ammetta l-akkuża kollha miġjubin kontrih, dik li biegħ il-munizzjon lil Terrence Cini, magħruf bħala l-“Hudson”. Il-bejjiegħ tal-munizzjon ġie kundannat disa’ xhur ħabs sospiżi għal sena.

Din kienet ir-raba’ talba għal libertà proviżorja milqugħa mill-Qorti fil-konfront ta’ Cini fejn tnejn minnhom kienu dwar traffikar ta’ droga u oħra dwar ħasil ta’ flus. Fil-fatt Cini ġie mixli wkoll li kiser tliet kundizzjoni oħra tal-libertà proviżorja fuq dawn ir-reati.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Shawn Pawney oġġezzjonat għat-talba li għamlu l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia għal libertà proviżorja bil-Qorti tilqa’ t-talba fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €4,000. Cini irid ukoll jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal-Qormi.