Id-dimostranti li jridu r-restawr tad-demokrazija fil-pajjiż mill-ġdid ħarġu jipprotestaw fl-ibliet prinċipali ta’ Myanmar, fost il-kundanna kontinwa għall-kolp ta’ stat attwali u l-arrest tal-Mexxejja ċivili tal-pajjiż, Aung San Suu Kyi.
Sadanittant, il-pulizija wieġbu bil-forza għal dawn id-dimostrazzjonijiet fost l-isparar tal-kanuni tal-ilma fuq in-nies li wkoll kienu suġġetti għal ‘forom oħra ta’ intimidazzjoni’.
Il-protesti ta’ kuljum dwar il-kolp ta’ stat ma jidhrux li se jbattu kif ġieb u laħaq meta s’issa paralizzaw ħafna uffiċini tal-Gvern. Fil-fatt, ir-rabja tal-poplu ma naqsitx minkejja li l-Armata – jew il-Ġunta – li ħatfet mill-ġdid il-kontroll tal-pajjiż wiegħdet li, ‘il quddiem, se jsiru elezzjonijiet ġodda fuq livell nazzjonali.
Il-Ġunta qed tħeġġeġ ukoll biex il-ħaddiema maċ-ċivil jirritornaw għax-xogħol filwaqt li qed thedded ‘azzjoni f’waqtha’ f’każ li l-ħaddiema jkomplu jisfidawha.
Illum, l-għajta tal-maġġoranza tar-residenti fi Myanmar hi li ‘ma jridux iqumu f’pajjiż maħkum minn dittatorjat’.
Fil-belt ta’ Yangon, il-folol kbar imlew is-Sule Pagoda ċentrali waqt li folol oħra ta’ żgħażagħ ippakkjaw ‘sit ta’ protesta favorita’ viċin l-università – u bil-pulizija jippruvaw minn kollox biex iferrxuhom.
Kien hemm ukoll l-inċidenti f’Mandalay, it-tieni l-akbar belt fi Myanmar, fejn id-dimostranti insistew għall-ħelsien ta’ żewġ uffiċjali li spiċċaw arrestati fil-bidu tal-kolp ta’ stat. Sadanittant, il-pulizija fil-kapitali, Naypyitaw, sparaw il-kanuni tal-ilma biex iżommu lura lill-folol li kienu qed javviċinaw iz-zoni fejn kienu skjerati l-qawwiet għaż-żamma tal-ordni.
L-attivisti fi Myanmar qalu, intant, li l-pulizija tal-Ġunta kienu qed jaġixxu ‘bħal terroristi’ u mingħajr rispett għall-Kostituzzjoni u l-liġi tal-pajjiż.
//= $special ?>