F’velja fuq it-taraġ ta’ Kastilja, il-fergħa ‘TeamStart’, b’messaġġ ġenwin uman ta’ simpatija u solidarjetà, sellmet lil aktar minn 300 vittma tal-COVID-19 billi qiegħdet 300 xemgħa, li jirrapreżentaw kull ruħ li ħasdet din il-pandemija f’pajjiżna.
F’messaġġ waqt din il-velja, il-President tal-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista ta’ bejn l-14 u t-18-il sena, Eve Borg Bonello, saħqet li Team Start qegħda tirrikonoxxi lill-vittmi ta’ dina t-traġedja, li mid-dehra kienet parti mir-roadmap tal-Gvern fil-ġlieda kontra l-COVID-19 li dawn jiġu sagrifikati għall-ekonomija.
“Tliet mitt familja qegħda tibki ‘l-maħbubin tagħha, ġenituri, aħwa, kuġini, ħbieb. Il-ħajja m’hemmx prezzha. Funerali qed isiru fi sfond ta’ messaġġi iperboliċi t’amministrazzjoni li hija skomda tagħraf l-uġigħ u l-ansjetajiet ta’ tant mijiet ta’ persuni.”
Mingħajr ma jippolitiċizza l-imwiet tal-vittmi tal-pandemija, Team Start appellat lill-Gvern jirrispetta u jsostni ‘l-ħajja u d-dritt għaliha għaliex huma s-sisien tas-soċjetà demokratika Maltija. Dan mingħajr ma jħaddan politika li tqis ħajjet il-bniedem bħalaostaklu għall-ekonomija.
“Din mhux ħlief barbarità mistura f’lewn il-flus,” temmet tgħid il-President ta’ Team Start.
Fi tmiem il-messaġġ tagħha, iż-żgħażagħ preżenti osservaw minuta silenzju li sellmet lill-ħajja ta’ dawn it-tliet mitt raġel u mara.
//= $special ?>