Internazzjonali

Tiħrax il-gwerra bil-kliem bejn l-Awstralja u l-kapijiet ta’ Facebook

Il-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison qal li l-Gvern tiegħu mhux se jkun intimidat mill-Kapijiet ta’ Facebook meta dawn għalqu l-aċċess għall-aħbarijiet (news feeds) fuq dan is-sit lill-abbonaturi.

Morrison fisser il-pass ta’ Facebook biex jagħmel ‘unfriend’ lill-Awstralja bħala xempju ta’ arroganza filwaqt li esprima d-diżappunt tiegħu għas-sitwazzjoni.

Facebook, intant, qed jirreaġġixxi għal liġi proposta li għandha ġġiegel il-ġganti tal-informatika jħallsu għall-kontenut tal-aħbaraijiet fuq il-websajts tagħhom.

L-Awstraljani, illum, qamu u sabu li l-paġni tal-aħbarijiet kollha (lokali u globali) kienu nieqsa minn Facebook.

In-nies li jgħixu barra l-Awstralja wkoll ma jistgħux jaqraw jew jidħlu fuq xi pubblikazzjonijiet tal-aħbarijiet Awstraljani permezz ta’ Facebook.

L-aċċess kien ingħalaq ukoll għal diversi paġni tal-Gvern rigward is-saħħa u l-emerġenza – bin-nies ta’ Facebook, wara, jgħidu li dan kien żball filwaqt li ‘irritornaw’ il-paġni online.

Il-kumpaniji Facebook u Google qed jikkuntestaw il-liġi partikulari għaliex skont huma, din ma tirriflettix il-mod kif jaħdem l-Internet, fost l-ilmenti li huma spiċċaw ‘penalizzati intortament’.