Għaddew iktar minn erba’ xhur mill-aħħar darba li l-foster parents ta’ Arsema raw lil din it-tifla għall-aħħar darba, qabel inhatfet.
Erba’ xhur mingħajr infomazzjoni… erba’ xhur mingħajr ma jafu x’sar miċ-ċkejkna ta’ seba’ snin li kienet ilha magħhom minn mindu kienet għadha tarbija.
Iżda jista’ jkun li din l-istorja fil-jiem li ġejjin, tieħu żvolta differenti.
Filmat u ritratti esklussivi li waslu għand netnews juru tifla li tixbah ħafna lil Arsema. Jidher li dan il-filmat inġibed f’raħal fil-Ġermanja fejn huwa suspettat li tinsab din it-tifla.
F’mument minnhom fl-isfond tal-filmati jidhru tlett itfal, li waħda minnhom qed ikun suspettat li hija Arsema.

Ftit tal-jiem ilu l-Qorti tal-Familja laqgħet rikors li sar mill-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali biex dan il-każ ikun meqjus bħala ħtif ta’ minuri. Il-Qorti tal-Familja tat sentenza li ddikjarat li din it-tifal ta’seba’ snin ittieħdet barra minn pajjiżna b’mod illeċitu u bi ksur tal-liġi ta’ Malta kif ukoll ta’ konvenzjonijiet internazzjonali.
Apparti dan, il-Qorti ddikjarat ukoll li l-minuri ttieħdet barra mill-pajjiż mingħajr il-kunsens ta’ min seta’ jagħti dan il-kunsens ….bi ksur tal-istess liġijiet, kif ukoll ordnat li hekk kif il-minuri tinstab, din tirritorna Malta immedjatament.
Intant, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija flimkien mal-assistenza tal-Europol għadhom għaddejjin.
It-tifla, kienet ġiet irrappurtata nieqsa mill-familja li tieħu ħsiebha f’Ottubru tas-sena li għaddiet. Huwa maħsub li t-tifla vvjaġġat illegalment flimkien mal-ommha bijoloġika tagħha.

