Lokali

Aġir li qed jagħmel ħsara irrimedjabbli lill-amministrazzjoni tal-ġustizzja – PN

Ritratt: Martin Agius

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis għandu jieqaf iwebbes rasu mal-ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali billi qed jibqa’ jirrifjuta li jidħol fi djalogu u negozjati kostruttivi magħhom sabiex titjieb il-qagħda tagħhom u jissaħħaħ l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Bl-istess mod il-Ministru responsabbli mir-Relazzjonijiet Industrijali Carmelo Abela ma jistax jibqa’ ċass quddiem din is-sitwazzjoni gravi u bla preċedent li żviluppat fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Sostnew dan fi stqarrija id-Deputati Karol Aquilina u Jason Azzopardi, kelliema tal-PN għall-Ġustizzja u għax-Xogħol fejn saħqu li l-Ministri Zammit Lewis u Abela jeħtieġ jirrealizzaw u jirrikonoxxu lir-rwol
kruċjali li jaqdi l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna u mhux jippruvaw idgħajjfu din l-istituzzjoni tant importanti għas-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jqis l-aġir tal-Ministri Edward Zammit Lewis u Carmelo Abela bħala wieħed irresponsabbli u li qed jagħmel ħsara kbira u irrimedjabbli lill-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’pajjiżna.

Fost oħrajn din is-sitwazzjoni bla preċedent fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali wasslet biex fl-aħħar erba’ ġimgħat ma ġie ppreżentat l-ebda appell mill-Avukat Ġenerali u sentenzi ma’ ġewx appellati bi ħsara kbira
għall-vittmi ta’ reati.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għandhom ikunu tal-livell u tal-kwalità li permezz tagħhom dan l-Uffiċċju jiġbed lejh l-aqwa imħuħ fil-professjoni legali ta’ pajjiżna.

Għalhekk huwa l-obbligu tal-Ministru għall-Ġustizzja li
jiżgura li t-talbiet tal-ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jiġu kkunsidrati b’mod pożittiv mill-iktar fis possibbli bil-għan li dawk li diġà għażlu jew li se jagħżlu li jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma jkunux qed jagħmlu dan għal perijodu qasir iżda bħala karriera professjonali
fit-tul