Lokali

Arrestat ftit ħin biss wara li allegatament wettaq serqa

Raġel ta’ 24 sena mill-Gambja ġie arrestat mill-Pulizija mumenti biss wara li allegatament wettaq serqa fuq mara. Il-każ seħħ ilbieraħ għal xi l-10.00pm., f’Tal-Pietà.

Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post fejn minn investigazzjonijiet li saru, irriżulta li l-vittma, Kolumbjana ta’ 27 sena, kienet miexja fi Triq Telgħet Gwardamanġa, meta avviċinaha raġel minn wara, ħareġ sikkina, poġġieha m’għonqha u talabha l-flus.

L-allegat ħalliel irnexxielu jisirqilha l-mowbajl u ħarab. Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri bdew tfittxija
għall-allegat ħalliel.

Madwar 20 minuta wara, il-pulizija nnutaw raġel jaġixxi b’mod
suspettuż fi Triq l-Isptar u li kien jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħataw. Dan ġie arrestat u minn tfittxija li saret fuqu instab il-mowbajl misruq.

Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana għal aktar investigazzjonijiet, li qegħdin jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett u tar-Reati Maġġuri.